Schembri: 'Bqajt ixxukkjat
Keith Schembri qal li kien "ixxukkjat" meta Yorgen Fenech beda jimplikah fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u li minnufih mar għand l-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex joffrilu r-riżenja tiegħu, li ġiet aċċettata
minn Jaelle Borg
Ix-xhieda ħarġet fi tmiem il-ħames jum ta' xhieda tiegħu quddiem il-ġurija fil-ġuri ta' Yorgen Fenech, wara jiem sħaħ ta' kontroeżami mill-Prosekutur Godwin Cini.
Wara li l-Qorti kienet ordnat lill-ġurati jinjoraw tweġiba preċedenti ta' Schembri dwar meta Fenech beda jimplikah, il-Prosekuzzjoni reġgħet ifformulat il-mistoqsija.
Cini fakkar li, skont reġistrazzjoni li nstemgħet fil-Qorti, Fenech kien qal li Schembri "iffriża" meta sar jaf bl-involviment tiegħu fil-qtil u li t-tnejn kienu bkew flimkien.
Mistoqsi kif irreaġixxa meta Fenech beda jimplikah, Schembri wieġeb: "Bqajt ixxukkjat. Kont mal-Prim Ministru u għedtlu, 'X'qed jivvinta fuqi?' Mort id-dar ta' Joseph u għedtlu li se nirriżenja. Hu aċċetta r-riżenja tiegħi u jien mort lura d-dar."
Il-Qorti tordna lill-ġurati jinjoraw tweġiba
Ftit qabel, il-Qorti kienet bagħtet lill-ġurati barra wara li Schembri, meta mistoqsi għaliex Fenech illum qed jimplikah jekk kienu għannqu u bkew flimkien, wieġeb: "Ma implikanix mill-ewwel. Nieqaf hemm."
Id-difiża argumentat li t-tweġiba setgħet twassal lill-ġurati jispekulaw dwar materji li l-Qorti kienet diġà ddeċidiet li m'għandhomx jissemmew quddiemhom.
L-Imħallef Edwina Grima laqgħet l-oġġezzjoni u, meta l-ġurati reġgħu daħlu fl-awla, tathom istruzzjoni biex jinjoraw dik il-mistoqsija u t-tweġiba.
Schembri jiċħad allegazzjonijiet attribwiti lil Fenech
Aktar kmieni, il-Prosekuzzjoni qrat diversi siltiet minn stqarrija tal-pulizija attribwita lil Yorgen Fenech.
Qabel ma kompliet tinqara l-istqarrija, Schembri staqsa lill-Imħallef jekk il-Qorti kinitx iddeċidiet li dawn l-istqarrijiet ma setgħux jissemmew quddiem il-ġurati. L-Imħallef wieġbet fin-negattiv.
Meta Cini qara allegazzjoni li l-pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia kien oriġina minn Schembri, ix-xhud wieġeb: "Le, le, le. Żgur li le."
Schembri ċaħad ukoll allegazzjoni oħra li kien qal lil Fenech biex "isib mod" kif tinqatel Caruana Galizia u ċaħad li qatt qallu "Mexxi, mexxi, mexxi."
Dwar laqgħa allegata ma' Fenech u Joseph Muscat, Schembri qal li ltaqa' mat-tnejn, iżda mhux f'Kastilja, filwaqt li ċaħad li qatt sema' lil Muscat jesprimi tħassib dwar jekk Melvin Theuma setax jiġi fdat.
"Gidba oxxena"
Aktar kmieni waranofsinhar, il-Prosekuzzjoni fakkret fix-xhieda ta' George Degiorgio, li qal li Schembri kien bagħat lil Melvin Theuma fil-"patata shed" biex isir l-arranġament għall-qtil.
"Gidba oxxena!" wieġeb Schembri.
Huwa qal li qatt ma ltaqa' ma' George Degiorgio u lanqas jaf min hu.
Il-fajl bl-artikli ta' Daphne Caruana Galizia
Il-kontroeżami kompla fuq il-fajl li Schembri qal li kien ilu jżomm għal snin bl-artikli kollha li Daphne Caruana Galizia kienet tikteb fuqu.
"Ridt inkun naf x'kienet qed tikteb fuqi. Hija ħaġa normali ħafna," qal lill-ġurati.
Schembri sostna li kien wieħed mill-ftit membri tal-Gvern Laburista li fetaħ kawżi ta' libell kontra Caruana Galizia u qal li l-aktar li weġġgħu kien meta kitbet dwar il-ġenituri tiegħu u l-eks mara tiegħu.
Huwa qal ukoll li kien jiddiskuti dawn l-artikli mal-familja tiegħu u ma' Joseph Muscat, peress li kienu jirrigwardaw xogħlu.
Mistoqsi x'sar mill-fajl, wieġeb: "Naħseb li qattajtu bl-is shredder."
Schembri żied li sal-lum jgħid lill-impjegati tiegħu li jitlob għal Daphne Caruana Galizia.
It-tfittxijiet fid-dar
Il-Prosekuzzjoni ddur ukoll fuq it-tfittxijiet fid-dar ta' Schembri.
Huwa qal li l-ewwel tfittxija, immexxija minn Keith Arnaud u Kurt Zahra, kienet "bir-reqqa ħafna", filwaqt li fit-tieni tfittxija, skont hu, "qalbu l-post ta' taħt fuq. Ġkieket... kollox."
Meta l-Prosekuzzjoni qalet li l-investigaturi xehdu li elevaw biss l-apparat li hu stess indikalhom, Schembri sfidahom biex jixhdu quddiemu.
"Sejħulhom hawn. Jekk trid, sejjaħ lil Kurt Zahra. Sejjaħ lil Keith Arnaud ukoll."
Huwa qal ukoll li apparat elettroniku li jidher f'ritratti iżda ma nqabadx mill-pulizija kien tal-familjari tiegħu.
"Mija fil-mija tagħhom. Mhux 99 fil-mija."
Il-mobile li għeb
Il-kontroeżami ffoka wkoll fuq il-mobile ta' Schembri li qatt ma nstab.
Schembri qal li ilu disa' snin jistaqsi x'sar minnu.
"Kulħadd jidħak bija," qal.
Meta l-Prosekuzzjoni rriferiet għal evidenza li turi li l-aħħar sinjal tal-mobile ġie rreġistrat fil-Mellieħa fil-5.03am tal-jum tal-arrest tiegħu, Schembri qal li dak il-ħin kien fis-sodda.
Huwa spjega li l-ħaddiema tar-rinnovazzjoni waslu fid-dar għall-ħabta tal-5.30am u li l-pulizija waslet madwar siegħa wara.
Schembri qal li nduna li ma kellux il-mobile biss meta wasal fid-Depot tal-Pulizija u beda jsir l-inventarju tal-affarijiet personali tiegħu.
"Il-pulizija, l-EPIC u jien kollha ppruvajna nsibuh. Forsi sabu xi ħadd mill-ħaddiema. Ma nafx."
Neville Gafà
Schembri qal li Neville Gafà kien preżenti waqt waħda mit-tfittxijiet għax kien ħabib tal-familja u kien ħadem miegħu f'Kastilja.
Huwa qal li kienu tant qrib li kienu jimxu kważi kuljum mill-Mellieħa sa Selmun flimkien ma' Kenneth Azzopardi.
Madankollu, qal li llum ir-relazzjoni tagħhom mhijiex kif kienet għax xi azzjonijiet ta' Gafà, fosthom attakki fuq persuni fi ħdan il-Partit Laburista, ma għoġbuhx.
Is-seduta tintemm
Fi tmiem is-seduta, l-Imħallef Grima waqqfet il-kawża għal-lum.
Schembri se jibqa' appartat b'ordni tal-Qorti matul il-lejl u għada se jkompli jixhed, din id-darba taħt il-kontroeżami tal-avukati ta' Yorgen Fenech.

L-Imħallef Edwina Grima tiddeċiedi li twaqqaf is-seduta għal-lum.
Keith Schembri se jibqa' appartat b'ordni tal-Qorti matul il-lejl, qabel jerġa' jitla' jixhed għada.
Għada, Schembri se jiffaċċja l-kontroeżami mill-avukati ta' Yorgen Fenech.
Il-ġurati mbagħad jitilqu mill-awla, u b'hekk tintemm is-seduta tal-lum.
Wara li l-ġurati jerġgħu jidħlu fl-awla, il-Prosekuzzjoni terġa' tifformula l-aħħar mistoqsija.
Il-Prosekutur Godwin Cini jfakkar li, skont reġistrazzjoni li nstemgħet fil-Qorti, Yorgen Fenech kien qal li Schembri "iffriża" meta sar jaf bl-involviment tiegħu fil-qtil u li t-tnejn bkew flimkien.
Cini mbagħad jistaqsi lil Schembri x'kienet ir-reazzjoni tiegħu meta Fenech aktar tard beda jimplikah.
Schembri jwieġeb:
"Bqajt ixxukkjat. Kont mal-Prim Ministru u għedtlu, 'X'qed jivvinta fuqi?' Mort id-dar ta' Joseph u għedtlu li se nirriżenja. Hu aċċetta r-riżenja tiegħi u jien mort lura d-dar."
B'dan, il-Prosekuzzjoni tagħlaq il-kontroeżami tagħha ta' Keith Schembri.
Il-Prosekuzzjoni titlob tqajjem punt ta' liġi, u l-Imħallef tordna li l-ġurati u Keith Schembri joħorġu mill-awla.
Il-kwistjoni tikkonċerna t-tweġiba ta' Schembri li Yorgen Fenech "ma implikanix mill-ewwel", kumment li d-difiża tgħid seta' kien referenza indiretta għal materja li l-ġurati m'għandhomx jisimgħu dwarha.
Il-Qorti tilqa' l-oġġezzjoni tad-difiża u tiddeċiedi li, meta l-ġurati jidħlu lura fl-awla, tingħatalhom istruzzjoni biex jinjoraw l-aħħar mistoqsija u t-tweġiba li ngħatat għaliha.
Wara d-deċiżjoni, il-ġurati jerġgħu jiddaħħlu fl-awla.
Il-Prosekuzzjoni tkompli tirreferi għal stqarrija attribwita lil Yorgen Fenech.
Il-Prosekutur Godwin Cini jfakkar li Keith Schembri kien xehed li hu u Fenech għannqu u bkew flimkien wara li fehem li ħabibu kien implikat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
"Jekk hekk kien, għaliex illum Yorgen Fenech qed jimplikak fil-qtil?" jistaqsi Cini.
Schembri jieqaf għal mument qabel iwieġeb:
"Ma implikanix mill-ewwel. Nieqaf hemm."
"Xi trid tgħid b'dan?" jistaqsi Cini.
"Fil-bidu ma implikanix."
It-tweġiba twassal lill-avukati tad-difiża jqajmu punt ta' liġi, u l-Imħallef tordna li l-ġurati joħorġu mill-awla.
L-avukat Charles Mercieca jgħid li t-tweġiba ta' Schembri tista' twassal lill-ġurati jispekulaw dwar materji li l-Qorti kienet diġà ddeċidiet li ma għandhomx jissemmew.
"Dan huwa xhud intelliġenti ħafna. Jaf eżatt x'inhu jgħid," jgħid Mercieca.
Huwa jżid li kulħadd jifhem għal xiex kien qed jirreferi Schembri, u li l-ġurati issa jistgħu jibdew jistaqsu lilhom infushom x'ġara biex Fenech aktar tard beda jimplikah
Il-Prosekutur Godwin Cini jibda jaqra siltiet minn stqarrija tal-pulizija attribwita lil Yorgen Fenech.
Qabel ma tinqara s-silta, Keith Schembri jdur lejn l-Imħallef Edwina Grima u jistaqsi:
"Ilbieraħ ma għidtilniex li dawn l-istqarrijiet ma setgħux jissemmew?"
L-Imħallef twieġeb:
"Le."
Cini mbagħad jaqra allegazzjonijiet attribwiti lil Fenech, fosthom li l-pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia oriġina minn Schembri.
"Le, le, le. Żgur li le," iwieġeb Schembri.
Il-Prosekutur ikompli billi jirreferi għal allegazzjoni oħra attribwita lil Fenech, li Schembri kien qallu jsib mod kif tinqatel Caruana Galizia.
Wara pawża qasira, Schembri jwieġeb:
"Żgur li le."
Cini jistaqsih ukoll jekk qattx qal lil Fenech:
"Mexxi, mexxi, mexxi."
"Le," iwieġeb Schembri.
Il-Prosekuzzjoni tirreferi wkoll għal laqgħa allegata bejn Schembri, Yorgen Fenech u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Schembri jgħid li ltaqa' ma' Fenech u Muscat, iżda jinsisti li dik il-laqgħa ma seħħitx f'Kastilja.
Meta mistoqsi jekk Muscat kienx esprima tħassib dwar jekk Melvin Theuma setax jiġi fdat, Schembri jwieġeb:
"Qatt ma smajt hekk. Qatt."
U meta Cini jirreferi għal allegazzjoni attribwita lil Fenech li ma baqax jafda lil Theuma għax kien qed jirrekordjah, Schembri jgħid:
"Żgur li ma kontx f'dik il-laqgħa."
Il-Prosekuzzjoni terġa' ddur fuq il-fajl bl-artikli ta' Daphne Caruana Galizia li, skont Keith Schembri, kien ilu jżommu għal snin.
Schembri jgħid li l-fajl kien fih kull artiklu li kienet kitbet fuqu.
"Ridt inkun naf x'kienet qed tikteb fuqi. Hija ħaġa normali ħafna."
Huwa jgħid ukoll li kien wieħed mill-ftit, jekk mhux l-uniku membru tal-Gvern Laburista, li fetaħ kawżi ta' libell kontra Caruana Galizia.
Schembri jgħid li kien iweġġgħu wkoll meta kienet tikteb dwar Joseph Muscat, martu Michelle u wliedhom, u jqabbel is-sitwazzjoni mal-kontroversja tal-"blokka bajda".
Mistoqsi kif l-artikli affettwawh personalment, Schembri jwieġeb:
"L-aktar li weġġagħni kien meta kitbet dwar ommi, missieri u l-eks mara tiegħi."
Huwa jinsisti li jżomm rekord ta' kull min jikteb fuqu, u jgħid li kien jiddiskuti dawn l-artikli mal-familja tiegħu u ma' Joseph Muscat, peress li kienu jirrigwardaw xogħlu.
Schembri jgħid li ma ra l-ebda raġuni biex jeħles mill-fajl sakemm Caruana Galizia baqgħet tikteb fuqu.
Huwa jżid li sal-lum jgħid lill-impjegati tiegħu li jitlob għal Daphne Caruana Galizia.
Meta mistoqsi x'sar mill-fajl, Schembri jwieġeb:
"Naħseb li qattajtu bl-is shredder."
Il-Prosekuzzjoni tikkontesta l-verżjoni ta' Keith Schembri dwar kif saru t-tfittxijiet fid-dar tiegħu.
Il-Prosekutur Godwin Cini jirreferi għax-xhieda preċedenti ta' Schembri, fejn qal li uffiċjal mara kienet iċċekkjat il-ħwejjeġ tiegħu, inkluż il-bwiet tas-suits u l-jeans, u li "qalbu kollox ta' taħt fuq."
Cini jirribatti li l-investigaturi xehdu li ma elevawx kull apparat li sabu, iżda biss dawk li Schembri stess indikalhom. Jgħid ukoll li mir-ritratti ma jidhirx li d-dar ġiet imqallba kif qed jiddeskrivi Schembri.
Schembri jwieġeb billi jisfida lill-Prosekuzzjoni:
"Ejja nagħmlu konfront. Sejħulhom hawn u nitkellmu."
Meta Cini jerġa' jgħid li l-investigaturi xehdu li ġabru biss l-apparat li indikalhom Schembri, dan jinsisti:
Il-Prosekuzzjoni ddur fuq ritratti meħuda waqt it-tfittxijiet fid-dar ta' Keith Schembri, li juru diversi apparati elettroniċi li ma ġewx elevati mill-pulizija.
Schembri jgħid li dawk l-apparati kienu tal-membri tal-familja tiegħu.
"Wara li arrestawni, għamluli strip search u ġennewni. Imbagħad waslu l-qraba tiegħi d-dar, kif kien normali. Kien hemm il-ġenituri tiegħi, Neville Gafà u n-nanny."
Huwa jinsisti li l-apparat li jidher fir-ritratti kien tagħhom.
"Mija fil-mija tagħhom. Mhux 99 fil-mija."
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Keith Schembri kif inzerta Neville Gafà kien preżenti waqt it-tfittxija fid-dar tiegħu.
Schembri jwieġeb li Gafà kien ħabib tal-familja u li kien ħadem miegħu wkoll f'Kastilja.
Huwa jgħid li sar jaf lil Gafà permezz tax-xogħol madwar ħames jew sitt snin qabel u, meta mistoqsi kemm kienu qrib, iwieġeb:
"Kuljum konna nimxu mill-Mellieħa sa Selmun — jien, hu u Kenneth Azzopardi."
Cini mbagħad jirreferi għax-xhieda ta' Kenneth Camilleri, li qal li kien ipprova jgħaddi messaġġ lil Schembri permezz ta' Gafà meta Schembri kien qed jevitah.
Meta mistoqsi jekk Gafà kienx kellmu dwar dan, Schembri jgħid:
"Ma niftakarx."
Il-Prosekutur jistaqsih ukoll jekk kienx f'kuntatt ma' Gafà qabel l-arrest tiegħu.
"Ma kontx naf li kont se niġi arrestat," iwieġeb Schembri.
Mistoqsi jekk għadhomx jitkellmu llum, Schembri jgħid:
"Xi ftit jew wisq."
Huwa jżid li r-relazzjoni tagħhom inbidlet għax xi azzjonijiet ta' Gafà ma għoġbuhx, partikolarment meta beda jattakka nies fi ħdan il-Partit Laburista.
Keith Schembri jgħid li l-ewwel tfittxija fid-dar tiegħu, immexxija mill-investigaturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, kienet "bir-reqqa ħafna."
Huwa jgħid li aktar tard saret it-tieni tfittxija.
"Qalbu l-post ta' taħt fuq. Ġkieket... kollox."
Meta mistoqsi min mexxa dik it-tieni tfittxija, Schembri jgħid li ma jiftakarx.
Huwa jiftakar li, meta l-pulizija reġgħet lura mid-Depot, fid-dar kien hemm martu, bintu l-kbira u n-nanny.
Schembri jispjega li wara l-arrest ittieħed fid-Depot tal-Pulizija, fejn saritlu strip search u ġie interrogat fit-tul, qabel ma ttieħed lura d-dar biex ikomplu t-tfittxijiet.
Il-Prosekutur Godwin Cini mbagħad jirreferi għal dokument tal-pulizija li jelenka min kien preżenti waqt it-tfittxija. Minbarra l-avukati ta' Schembri, id-dokument isemmi wkoll martu, il-ġenituri tiegħu, bintu l-kbira u Neville Gafà.
Schembri jgħid li aktar tard ra ritratti li juru lill-ġenituri tiegħu fid-dar, iżda ma jafx f'liema stadju tat-tfittxija waslu hemm.
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Keith Schembri jekk kellux xi twissija minn qabel li kien se jiġi arrestat.
"Le," iwieġeb Schembri.
Jgħid iżda li, wara li bdew jiġu arrestati Adrian Vella u oħrajn, ħaseb li hu kien imiss.
"Għedt, 'issa jmiss lili'."
Schembri jgħid li għall-ħabta tal-5.00am, Dr Adrian Vella ċempillu biex jgħidlu li l-pulizija kienet barra d-dar tiegħu.
"Staqsieni jekk għandux idaħħalhom. Għedtlu, 'Leeee... ibqa' ħares lejhom.'"
Huwa jżid li nduna li l-mobile kien nieqes biss meta wasal id-Depot tal-Pulizija, hekk kif l-uffiċjali bdew ipoġġu l-affarijiet personali tiegħu f'boroż issiġillati bħala evidenza.
"Sa dak il-ħin ma kontx indunajt li ma kellix miegħi."
Meta mistoqsi fejn kien fil-5.03am, il-ħin li fih, skont l-evidenza, il-mobile tiegħu deher għall-aħħar darba, Schembri jwieġeb:
"Fis-sodda."
Cini jistaqsih jekk il-mobile qatt instabx.
"Le. Il-pulizija, l-EPIC u jien kollha ppruvajna nsibuh."
Schembri jgħid li t-tfittxijiet ma wasslu mkien u jżid:
"Forsi sabu xi ħadd mill-ħaddiema. Ma nafx."
Il-Prosekuzzjoni titlob lil Keith Schembri jiddeskrivi x'ġara filgħodu li fih ġie arrestat.
Schembri jgħid li dak iż-żmien id-dar tiegħu kienet għaddejja minn xogħlijiet ta' rinnovazzjoni.
Meta l-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih fejn kienu qed isiru x-xogħlijiet, Schembri jwieġeb:
"Kullimkien."
Huwa jżid li dan kien jidher fir-ritratti ppubblikati minn Newsbook, iżda mal-ewwel jikkoreġi lilu nnifsu u jdur lejn il-ġurati:
"Tajjeb... intom ma tistgħux."
Schembri mbagħad jgħid li waqt it-tfittxija l-pulizija ħadet kważi dak kollu li sabet fid-dar.
"Ħaduli d-desktop, il-USBs, l-iPads... kaxkruli kollox."
Huwa jiftakar ukoll li d-dar kienet mimlija uffiċjali tal-pulizija waqt l-operazzjo
Il-Prosekutur Godwin Cini ikompli jirreferi għax-xhieda ta' Dr Adrian Vella, li qal li wara li ġabar xi karti mid-dar ta' Keith Schembri, aktar tard għaddiehom lil Yorgen Fenech f'Portomaso waqt li dan kien fuq police bail.
"X'tgħid għal dan?" jistaqsi Cini.
"Jien ma kontx hemm," iwieġeb Schembri. "Ma ħa xejn mingħandi ħlief ir-riżultati ta' blood tests."
Schembri jżid li, sa fejn jiftakar hu, il-Maġistrat Victor Axiak kien ordna testijiet tal-marki tas-swaba' fuq dak id-dokument.
"Ma nstabet l-ebda marka tas-swaba' tiegħi fuqu."
Cini mbagħad jistaqsih jekk hux qed jgħid li qatt ma kien ra dak id-dokument qabel.
Schembri jwieġeb:
"Rajtu darba waħda biss, meta wriehuli l-pulizija."
Il-Prosekuzzjoni ddur fuq id-dokument ta' ħames paġni li allegatament Keith Schembri għadda lit-tabib Adrian Vellabiex iwasslu lil Yorgen Fenech waqt li dan kien fuq police bail.
Il-Prosekutur Godwin Cini jinnota li d-dokument huwa miktub b'font kbira u fih ukoll noti miktuba bl-idejn.
"Qatt rajtu qabel?" jistaqsi.
"Qatt," iwieġeb Schembri. "L-ewwel darba li rajtu kienet meta wriehuli l-pulizija."
Cini mbagħad jirreferi għax-xhieda ta' Dr Adrian Vella, li kien qal fil-Qorti li mar għand Schembri u dan talbu jiġbor xi karti minn fuq mejda.
Schembri jipprova jwieġeb b'mistoqsija tiegħu stess:
"Nista' nistaqsik xi ħaġa? X'benefiċċju kont nieħu kieku tajtu dak id-dokument?"
L-Imħallef Edwina Grima twaqqfu minnufih.
"Ma tistax tagħmel mistoqsijiet."
Schembri mbagħad jgħid li, jekk ta lil Dr Vella xi dokumenti, żgur ma kinux dawk il-ħames paġni.
"Jista' jkun li kienu rapporti mediċi."
Wara li tinqara l-ittra attribwita lil Melvin Theuma, il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Keith Schembri x'reazzjoni kellu għaliha.
"Xejn," iwieġeb Schembri.
Meta mistoqsi għaliex jaħseb li Theuma kiteb dik l-ittra, Schembri jgħid:
"Kif diġà għedtlek, naħseb li jien kont l-akbar biċċa tal-ekwazzjoni."
Huwa jżid li kien qara fil-midja li Theuma kien uża r-ritratt tagħhom flimkien biex jagħmillu pressjoni.
Cini mbagħad jistaqsih direttament jekk qatt ipprovax jeħles minn Melvin Theuma.
"Le," iwieġeb Schembri.
Il-Prosekutur jistaqsih ukoll għaliex, fl-opinjoni tiegħu, Yorgen Fenech żamm dik l-ittra flok qeredha.
Schembri jwieġeb:
"Dak trid tistaqsih lilu."
Il-Prosekuzzjoni ddur għal ittra li l-investigaturi sabu fl-uffiċċju ta' Yorgen Fenech, u li allegatament kienet inkitbet minn Melvin Theuma.
Il-Prosekutur Godwin Cini jaqra l-kontenut tagħha fil-Qorti.
Fl-ittra, Theuma jiddikjara li kien il-medjatur fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u jgħid li qed jgħaddi din l-informazzjoni biex ikun magħruf min ikkummissjona u ħallas għall-bomba.
L-ittra tgħid ukoll li Theuma ddeċieda jagħmel dan għax kien jemmen li Yorgen Fenech u Keith Schembri ta' Kasco kienu wkoll qed jippruvaw jeħilsu minnu.
Skont il-kontenut tal-ittra, Theuma jgħid li Schembri użah u għenu jikseb impjieg mal-Gvern, iżda li tkeċċa minn dak l-impjieg meta ma baqax utli.
L-ittra tispiċċa tgħid li magħha kien qed jintbagħtu wkoll kopja tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu u ritratt meħud f'Kastilja.
Il-Prosekutur Godwin Cini jaqra messaġġ mibgħut minn Keith Schembri lil Yorgen Fenech fejn jistaqsih:
"Għadek taħseb fuq Giannella?"
Fenech iwieġeb:
"Mhux hi. She's the best option."
Mistoqsi x'wasslu biex jibgħat dak il-messaġġ, Schembri jgħid li Dr Adrian Vella kien qallu li, waqt li kienu Għawdex, Fenech kien qed jipprova jikkonvinċi lill-avukata Giannella de Marco biex tirrappreżentah.
Skont Schembri, jidher li hi ma kinitx aċċettat minnufih.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad turi messaġġ ieħor li fih Schembri jissuġġerixxi lil Giannella de Marco u Tonna Lowell.
Meta Cini jistaqsih għaliex irrakkomandahom, Schembri jwieġeb:
"Għax naf li huma tajbin. Mhux ovvju?"
Fenech imbagħad iwieġeb:
"Għal Franco jkolli naqa'. Grrr."
Il-Prosekuzzjoni terġa' lura għall-messaġġi skambjati bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech fis-sigħat ta' qabel l-arrest ta' Fenech.
Il-Prosekutur Godwin Cini jirreferi għal messaġġ fejn Fenech jgħid li jippreferi jkollu ftit aktar ħin biex jieħu parir, segwit minn ieħor li jgħid:
"Qed jiġu llum?"
Meta mistoqsi għal min ħaseb li kien qed jirreferi Fenech, Schembri jwieġeb:
"Jew il-midja jew il-pulizija."
Cini mbagħad jirreferi għal tweġiba ta' Schembri li tgħid:
"Leeee."
Mistoqsi x'ried ifisser b'dik it-tweġiba, Schembri jgħid:
"Żgur kienet tfisser le."
Meta Cini jistaqsih għaliex wieġbu hekk, Schembri jwieġeb:
"Għax konna qed nippruvaw inserrħulu rasu."
Il-Prosekutur imbagħad jistaqsih jekk hu jew l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kinux imħassba li, meta ħeġġew lil Fenech biex ma jitlaqx minn Malta, setgħu kienu qed iwissuh indirettament li kien se jiġi arrestat.
Schembri jwieġeb li Fenech kien diġà nnota moviment mhux tas-soltu madwar il-yacht tiegħu u kien staqsieh jekk dawk in-nies kinux hemm minħabba fihom.
Is-seduta tieqaf għal ftit mumenti minħabba problemi tekniċi, hekk kif Schembri jsib diffikultà biex jisma' lill-Prosekutur mill-headset il-ġdid tiegħu.
Keith Schembri jerġa' jitla' fuq il-pedana tax-xhieda wara l-pawża tal-ikel.
Din id-darba qed juża headset b'mikrofonu biex it-tweġibiet tiegħu jinstemgħu aħjar, wara li matul is-seduta ta' filgħodu l-mikrofoni tal-awla sabu diffikultà biex jaqbdu leħnu, li kultant instema' maħnuq.
Minflok il-files li kellu quddiemu aktar kmieni, Schembri issa ngħata tablet biex isegwi d-dokumenti.
Inbidlet ukoll is-siġġu tiegħu: flok is-siġġu ordinarju li kien qed juża filgħodu, issa qed joqgħod fuq siġġu tal-uffiċċju bir-roti.
Lura fl-awla fejn ser nkomplu bix-xhieda ta; Keith Schembri
Wara s-seduta ta' filgħodu, il-Qorti tieħu pawża għall-ikel.
Is-smigħ tax-xhieda ta' Keith Schembri mistenni jerġa' jibda fit-3.00pm.
Il-Prosekutur Godwin Cini jirrimarka li aktar kmieni Keith Schembri kien semma lill-eks ġurnalist Ivan Camilleri, iżda issa kien qed jirreferi għal Jacob Borg.
Schembri jwieġeb li Ivan Camilleri kien ġie sospiż, filwaqt li Jacob Borg kien sempliċement qed jagħmel xogħlu, jieħu ritratti u jipprova jikseb l-ewwel kumment mingħand Yorgen Fenech.
"Hu ma tkeċċiex mit-Times of Malta," iżid.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad tgħaddi għal skambju ieħor ta' messaġġi, fejn Fenech jgħid:
"X'għandi ngħid? Nippreferi jkolli ftit ħin biex nieħu xi parir."
Meta mistoqsi x'fehem minn dak il-messaġġ, Schembri jwieġeb:
"Naħseb li ried ikellem lil xi avukati. U kellu raġun jagħmel hekk."
Schembri mbagħad jidħol f'digressjoni dwar kif, skontu, jaħdem il-Gvern.
"Nista' ngħidlek ħaġa? Taf kif jaħdem Prim Ministru? Hija piramida. Dak fil-quċċata jaf kollox. Dak ta' taħtu jaf ftit inqas, u dak ta' taħtu inqas minn hekk."
Huwa jżid li kien diġà jaf li l-għażla li kienet qed tiġi diskussa — li jiġġieled jew jaħrab — "qatt ma kienet se tiġi aċċettata."
Il-Prosekuzzjoni turi skambju ieħor ta' messaġġi li fih Yorgen Fenech jibgħat lil Keith Schembri artiklu ta' MaltaTodaydwar rakkomandazzjoni għal maħfra presidenzjali lil suspettat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Schembri għaliex Fenech kien bagħatlu dak l-artiklu.
Schembri ma jweġibx direttament il-mistoqsija.
Minflok jgħid:
"Ma jkunx aħjar tistaqsu lil Salvu Balzan? Dawk wara l-clicks. Jekk ipoġġu wiċċu fuq il-faċċata jieħdu elf click. Jekk ipoġġu tiegħi jieħdu elf oħra."
Il-Prosekutur Godwin Cini ikompli jinsisti dwar x'tip ta' għajnuna Yorgen Fenech kien qed jistenna mingħand Keith Schembri.
"Qed tipprova ddaħħalni f'kantuniera," iwieġeb Schembri. Huwa jispjega li dak li ried ifisser bil-messaġġ tiegħu kien:
"Ridt ngħinu kemm stajt."
Meta Cini jerġa' jistaqsih x'kienet tfisser dik l-għajnuna fil-prattika, Schembri jgħid li hemm wegħdiet li wieħed jista' jwettaq u oħrajn li jaf ikunu diffiċli ħafna biex iseħħu.
Jgħid li kien diġà eżawrixxa kull triq ma' Keith Arnaud, l-Avukat Ġenerali u l-Prim Ministru, u li ma setax jagħmel ħafna aktar.
Schembri jżid li, bħala opinjoni personali tiegħu, qatt ma kien jagħti maħfra presidenzjali lil Melvin Theuma.
"Tistgħu taqtgħuli rasi talli qed ngħid dan, imma jien qatt ma kont nagħti l-proklama lil Melvin."
L-Imħallef Edwina Grima tfakkru li din hija l-opinjoni personali tiegħu.
Aktar tard, meta Cini jgħid li "kieku ma kinux ir-recordings, illum ma konniex hawn", l-Imħallef twissih biex ma jidħolx f'argument max-xhud.
Il-Prosekutur Godwin Cini jgħaddi għal messaġġ ieħor mibgħut minn Keith Schembri lil Yorgen Fenech, li fih jgħidlu:
"Qed nagħtik dan il-parir bħala ħabib. Kun aggressiv. Iġġieled."
Schembri jispjega li l-messaġġ kellu l-għan li jinkoraġġixxi lil Fenech.
"Kien parti mill-isforz biex inżommulu t-tama ħajja."
Hekk kif Schembri jipprova jerġa' jdawwar mistoqsija lura lejn il-Prosekutur, l-Imħallef Edwina Grima tintervjeni mill-ġdid.
"Wieġeb biss. Għid il-fatti."
Il-Prosekutur Godwin Cini jirreferi għal żewġ telefonati li saru wara l-iskambju ta' messaġġi bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri lejlet l-arrest.
"Tiftakar x'għedtlu?" jistaqsi Cini.
Schembri jwieġeb:
"Kif tridni niftakar issa?"
F'ħin minnhom, Schembri jdawwar il-mistoqsija lura lejn il-Prosekutur u jgħidlu:
"Jien qed nistaqsik."
L-Imħallef Edwina Grima tintervjeni minnufih.
"Ma tistax twieġeb mistoqsija b'mistoqsija. Għid il-fatti."
Fil-Qorti tintwera screenshot ta' chat fuq Signal b'messaġġi li kienu jitħassru wara 10 sekondi.
Il-messaġġ, mibgħut minn Yorgen Fenech lil Keith Schembri lejlet l-arrest tiegħu, jgħid:
"Tħallinix waħdi. Agħtini s-sapport."
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Schembri għaliex jaħseb li Fenech bagħatlu dak il-messaġġ.
"Mhux ovvju?" iwieġeb Schembri. "Ried li jien u l-Prim Ministru ngħinuh."
Schembri jżid:
"Se nkun onest miegħek, Sur Cini. Ma nwaħħal lil ħadd li f'dik is-sitwazzjoni jgħid, 'Jekk jogħġbok għinni.' Konna l-Prim Ministru u ċ-Chief of Staff."
Meta Cini jinsisti x'fehem minn dak il-messaġġ, Schembri jgħid li Fenech kien qed jgħidlu biss:
"Tħallinix waħdi. Agħtini s-sapport."
Mistoqsi x'kien qed jistenna minnu Yorgen Fenech, Schembri jwieġeb:
"Kien dahru mal-ħajt."
Il-Prosekutur Godwin Cini jaqra minn xhieda preċedenti ta' Keith Schembri, fejn kien qal li Yorgen Fenech mar Għawdex.
Cini jfakkru li l-Qorti kienet staqsietu għaliex Fenech mar Għawdex, u dak iż-żmien Schembri kien wieġeb li Dr Adrian Vella kellu dar hemmhekk.
Il-Prosekutur iżid li, skont dik ix-xhieda, Schembri kien spjega wkoll li Dr Vella kien it-tabib ta' Fenech u li Fenech kellu bżonn iqatta' ftit ħin waħdu.
Schembri jżid li Dr Gianluca kien ma' Fenech f'Għawdex.
F'dak il-ħin, l-avukat difensur Charles Mercieca jintervjeni u jgħid:
"Storikament skorrett!"
Cini mbagħad jitlob lil Schembri jispjega aktar ix-xhieda tiegħu li Fenech kien mar Għawdex ma' Dr Vella u li kienu qed isiru tentattivi biex tinstab assistenza legali għalih.
Schembri jwieġeb:
"Dak kollu dokumentat. Open source."
L-Imħallef Edwina Grima tistaqsih jekk kienx jaf dawn il-fatti minn dak li kien jaf personalment.
"Le," iwieġeb Schembri.
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Keith Schembri meta ġie arrestat Yorgen Fenech.
Schembri jieqaf għal mument qabel iwieġeb:
"Jien nipprova nħassar dawn l-affarijiet minn moħħi."
Meta jintalab jindika fejn kien Fenech meta ġie arrestat, Schembri jgħid:
"Portomaso, jekk m'iniex żbaljat."
Cini mbagħad jistaqsih dwar il-kuntatti li kellu ma' Fenech fix-xahar ta' qabel l-arrest u fejn kien qatta' tmiem il-ġimgħa ta' qabel.
"Ma nafx," iwieġeb Schembri.
Il-kontroeżami mbagħad idur fuq it-tabib tal-familja Adrian Vella, li kien it-tabib kemm ta' Schembri kif ukoll ta' Fenech.
Schembri jiddeskrivih bħala:
"Tabib tajjeb. Tabib tal-familja tajjeb ħafna, ħafna, ħafna."
Huwa jgħid ukoll li kien jaf li Dr Adrian Vella kien Għawdex u li kien issuġġerixxa li Dr Gianluca u Yorgen Fenechimorru hemm jekk riedu.
Jgħid ukoll li aktar tard Franco Fenech mar Għawdex għalih.
Il-Prosekuzzjoni tirreferi għall-maħfra presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma, li tiġi esebita fil-Qorti.
Keith Schembri jgħid li darba ra d-dokument fuq l-iskrivanija tal-assistent personali tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Ray Caruana.
"Jien bqajt miexi. Ma kont involut xejn, la fil-maħfra u lanqas fid-diskussjonijiet dwarha."
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih jekk xi ħadd kellmux meta Theuma beda jitlob il-maħfra u bdew il-laqgħat dwarha.
Schembri jwieġeb li ma attendiex dawk il-laqgħat u li ħadd ma tah informazzjoni dwar il-proċess tal-maħfra.
"Jien mhux avukat. Ma naf xejn dwar il-maħfriet."
Il-Prosekutur Godwin Cini jkompli l-kontroeżami ta' Keith Schembri minn fejn kien waqaf qabel il-pawża.
Mistoqsi x'ġara wara ma' Melvin Theuma, Schembri jgħid li Theuma beda jgħid li kellu affarijiet x'jikxef u talab għal Simon Busuttil u Jason Azzopardi.
Huwa jżid li Theuma kellu kaxxa tal-ġelat li kienet fiha ritratt tiegħu ma' Schembri.
Meta Cini jistaqsih għaliex Theuma kien poġġa dak ir-ritratt fil-kaxxa, Schembri jwieġeb li dan sar biex ihedddu, għax Theuma kien jemmen li hu kien qed jgħin lil Yorgen Fenech.
Schembri jgħid ukoll li meta ttieħed ir-ritratt, Theuma kien talbu jimxu ftit biex jidher ukoll ir-ritratt tal-Prim Ministru fl-isfond.
Skont Schembri, dan juri li Theuma ried jinvolvi wkoll lill-Prim Ministru.
Wara pawża qasira ta' madwar 20 minuta, il-ġurija u l-partijiet jerġgħu jidħlu fl-awla hekk kif tkompli s-seduta.
Il-Prosekuzzjoni mistennija tkompli bil-kontroeżami ta' Keith Schembri.
Cini ikompli jistaqsi lil Keith Schembri dwar il-konverżazzjoni li fiha, skont ix-xhieda tiegħu, Yorgen Fenech ħallieh jifhem li kien involut fil-qtil.
Meta mistoqsi x'għamel Fenech wara li rah "iffriża", Schembri jieqaf għal mument, ibaxxi rasu u jwieġeb:
"Ma niftakarx."
Cini jistaqsih jekk Fenech qalx xi ħaġa wara dak il-mument.
"Iva," iwieġeb Schembri.
Meta jintalab jispjega x'intqal, Schembri jgħid:
"Xejn. Għannaqtu, u dak kien kollox."
Cini mbagħad jistaqsih x'qallu waqt it-tgħanniqa.
Schembri jerfa' spallejh u jwieġeb:
"X'kont tistenna li nagħmel?"
Il-Prosekutur Godwin Cini jaqra silta oħra mir-recordings fejn Yorgen Fenech jgħid dwar Keith Schembri:
"Mhuwiex ħabib tiegħi bħall-ieħor. Lil dak l-ieħor nafda fih għax għamel li għamel għalija."
Schembri jwieġeb li qatt ma għamel xejn straordinarju għal Fenech.
"Jien sempliċement ittrattajtu bħala ħabib."
Cini mbagħad jaqra silta oħra fejn Fenech jgħid:
"Il-verità hija verità, u meta għedtlu ffriża."
Mistoqsi dwar dan, Schembri jgħid li Fenech qatt ma qallu direttament li kien involut fil-qtil, iżda ħallieh jifhem dan waqt konverżazzjoni privata.
Jgħid li dak iż-żmien isem Fenech kien diġà beda jissemma fl-investigazzjoni u li kienu waħedhom, x'aktarx waqt li kienu ħarġu jieħdu xarba, meta Fenech beda jagħmel insinuazzjonijiet li wassluh biex jifhem li kien involut.
"Ffriżajt. Ma tkellimt ma' ħadd."
Schembri jżid li llum iqis li l-akbar żball tiegħu kien li ma marx għand il-Prim Ministru biex jgħidlu x'kien fehem u jirriżenja.
"Forsi għax kien ħabib tiegħi. L-iżball tiegħi kien li ma mortx għand il-Prim Ministru u għedtlu li kont se nirriżenja."
Hekk kif Schembri jagħti din ix-xhieda, Yorgen Fenech jidher mill-bank tal-akkużat ixengel rasu.
Il-Prosekutur Godwin Cini jaqra silta oħra mit-traskrizzjoni tar-recordings fejn Yorgen Fenech jgħid:
"Jien dħalt fin-nar għalih."
Keith Schembri jwieġeb li dan huwa minnu.
"Meta kelli problemi ta' saħħa, ta kollox għalija. Kien ħabib tiegħi u jien għentu fejn stajt."
Cini mbagħad jirreferi għal silta oħra fejn Fenech jgħid li Schembri bagħat lil xi ħadd ikellmu.
Schembri jwieġeb li jista' jkun li bagħat xi qraba biex ikellmuh.
Meta mistoqsi f'liema kuntest, Schembri jgħid:
"Kellu problema bid-droga."
Il-Prosekutur imbagħad jaqra silta oħra li tgħid:
"Bgħatt lil xi ħadd ikellem lil dak biex jagħmel pressjoni fuq ta' Maksar minħabba l-kwistjoni taż-Żebbuġ."
Meta mistoqsi x'kien ifisser dan u x'interess kellu Yorgen Fenech f'din il-kwistjoni, Schembri jwieġeb:
"Ma nafx."
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Keith Schembri dwar x'tip ta' relazzjoni kellu ma' Yorgen Fenech u l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta.
Schembri jwieġeb li t-tlieta li huma kienu jagħmlu parti minn group chat u li kienu jiltaqgħu wkoll fir-ranch.
Meta mistoqsi min kien hemm aktar fil-group chat, Schembri jsemmi lil Joe Cuschieri u Kenneth Azzopardi, filwaqt li jgħid li din l-informazzjoni kienet diġà saret pubblika.
Huwa jżid li fil-group chat kienu jaqsmu prinċipalment ċajt bejniethom.
Cini jkompli jaqra siltiet oħra mir-recordings bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma.
F'waħda minnhom, skont Cini, Fenech jgħid li Keith Schembri kien bagħat għax-"xufier tax-xiħ", filwaqt li jissemma wkoll Kenneth.
Schembri jiċħad dan b'mod kategoriku.
"Qatt."
Cini mbagħad jaqra silta oħra fejn, skontu, Fenech jgħid li Schembri kien staqsieh:
"Ma ħlistx tiegħi?"
Schembri jwieġeb:
"Nixtieq naf għal xiex qed jirreferu."
Il-Prosekutur imbagħad jaqra kumment ieħor attribwit lil Fenech, li jgħid:
"Daħal fin-nar għalija."
Schembri jwieġeb li kien jinkwieta ħafna għal Fenech u li qatt ma pprova jagħmillu ħsara.
Huwa jgħid li waqt il-laqgħat f'Kastilja fejn kienet tiġi diskussa l-investigazzjoni tal-qtil, kien jiddefendi lil Fenech u jsostni li Silvio Valletta kien jagħmel l-istess.
Schembri jgħid li kienu spiss jgħidu:
"Non si quadra."
Huwa jżid li anke Keith Arnaud, il-Prim Ministru u l-Kummissarju Lawrence Cutajar kienu jgħidu l-istess.
Il-Prosekutur Godwin Cini ikompli jistaqsi lil Keith Schembri dwar ir-recordings li fihom jissemmew żviluppi fl-investigazzjoni tal-qtil.
Cini jirreferi għal parti mir-recordings fejn jissemmew l-investigatur Keith Arnaud u persuna msejħa "Owen", u jistaqsi lil Schembri min kienet din il-persuna.
Schembri jwieġeb li kien qed isir riferiment għal Owen Bonnici, li dak iż-żmien kien ministru.
Il-Prosekutur imbagħad jistaqsih kif Yorgen Fenech seta' kien jaf b'dettalji dwar l-investigazzjoni.
Schembri jwieġeb li ma jafx kif Fenech kiseb dik l-informazzjoni, iżda jinsisti li ma ġietx mingħandu.
"Kulma nista' ngħid hu li mhux permezz tiegħi."
Il-Prosekutur Godwin Cini jkompli jaqra siltiet oħra mit-traskrizzjonijiet tar-recordings bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma.
F'waħda mis-siltiet, Theuma jgħid li jrid li "il-kwistjoni ta' Keith tissolva", filwaqt li Fenech iwieġeb li ma jaħsibx li Keith għandu s-setgħa jagħmel dan.
Mistoqsi x'kien qed jiġi diskuss, Keith Schembri jgħid li ma jafx għal xiex qed jirreferu.
"Lanqas idea m'għandi fuq xiex qed jitkellmu."
Cini mbagħad jistaqsih x'kien qed jistenna Yorgen Fenech mingħandu, iżda Schembri jwieġeb li ma jafx.
Il-Prosekutur jaqra wkoll silta oħra li fiha Theuma u Fenech jitkellmu dwar il-ħelsien mill-arrest u flus li allegatament kienu ġejjin mingħand Schembri.
Schembri jiċħad dan kategorikament.
"Impossibbli. Anke kieku kelli dawk il-flus."
F'silta oħra, Cini jaqra l-kliem "Keith daħħalni f'din il-problema", segwiti minn kumment ieħor li jgħid li jekk tinqala' problema, il-Gvern se jippanikkja.
Schembri jgħid li ma jistax jifhem għal xiex qed jirreferu dawn il-kummenti.
Aktar tard, Cini jaqra wkoll il-frażi "Wasalt il-kelma lil Keith," li Schembri jiċħad b'mod ċar.
"Qatt."
Il-Prosekutur Godwin Cini jaqra silta oħra mir-recording li qed tinstema' fl-awla.
Skont Cini, Melvin Theuma jgħid:
"Keith jiġi u jibgħat lil Kenneth."
Schembri jirrifjuta l-allegazzjoni u jwieġeb:
"Diġà għedtilkom ilbieraħ, jien ma bgħattx lil Kenneth."
Cini mbagħad jaqra silta oħra fejn, skontu, Yorgen Fenech jgħid lil Theuma:
"Qalli, 'ara kif se twasslilhom il-kelma hemm ġew.'"
Schembri jerġa' jiċħad dak li qed jiġi allegat u jwieġeb:
"Mhux minnu."
Il-Prosekutur Godwin Cini jirreferi għal recording li jindaqq fl-awla, iżda l-awdjo ma jinstemax b'mod ċar.
Tant hu hekk li Keith Schembri jgħid li ma jistax jifhem x'qed jingħad.
Cini mbagħad jistaqsih jekk jagħrafx il-vuċijiet fir-recording.
"Din hija konverżazzjoni bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma."
Il-Prosekutur imbagħad jgħid li fir-recording Yorgen Fenech qed jitkellem ma' Melvin Theuma dwar il-Koħħu, u jistaqsi lil Schembri għaliex.
Schembri jwieġeb:
"Ma nafx."
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Keith Schembri dwar inċident li fih, skont ix-xhieda tiegħu, ġurnalist tat-Times of Malta allegatament ġie offrut flus mill-avukati ta' Yorgen Fenech.
Schembri jgħid li l-ġurnalist spiċċa telaq minn Times of Malta u li aktar tard qalulu li xtaq li qatt ma rrapporta l-każ lill-edituri tiegħu.
Schembri jixhed li l-avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca offrew flus lill-ġurnalist biex jikteb favur Yorgen Fenech fit-Times of Malta.
Huwa jkompli jgħid li l-ġurnalist qallu li kien għamel żball meta rrapporta l-allegat inċident u meta mar kontra "familja kbira".
Skont Schembri, il-ġurnalist sussegwentement mar għand l-editur ewlieni Herman Grech u qallu li kien se jirriżenja għax "ma felħux aktar."
Cini jistaqsi lil Keith Schembri jekk Johann Cremona qattx qallu li kien qed jibża' minn xi ħadd jew minn xi ħaġa.
Schembri jwieġeb:
"Le, qatt. Imma lbieraħ urieni."
Meta Cini jistaqsih minn min kien qed jibża', Schembri jgħid:
"Ma nafx... lanqas intom ma rnexxielkom toħorġulu tweġiba."
Il-Prosekutur imbagħad idawwar il-mistoqsijiet fuq il-kumment ta' Schembri li għadda minn trawma.
Mistoqsi x'wassal għal dik it-trawma, Schembri jwieġeb:
"Is-sitwazzjoni. Kważi tlift in-negozju kollu tiegħi."
Meta Cini jistaqsih min ikkawża dik is-sitwazzjoni, Schembri jwieġeb:
"L-arrest ta' Yorgen Fenech."
Il-Prosekutur imbagħad jistaqsih jekk qattx bagħat messaġġi lil Fenech waqt li dan kien il-ħabs.
Schembri jwieġeb:
"Fil-ħabs? Qatt."
Il-Prosekutur Godwin Cini jirreferi għal screenshot ieħor, din id-darba ta' konverżazzjoni bejn Keith Schembri u Johann Cremona.
Schembri jikkonferma li kien hu li bagħat is-screenshot lil Cremona.
Huwa jgħid li s-screenshot kienet turi konverżazzjoni bejn Ruben Fonzu u l-avukat Charles Mercieca.
Schembri jispjega:
"Iva, rajtha qabel. Jien bgħattha lil Johann. Kont rrabjat."
Huwa jgħid li Charles Mercieca huwa iben wieħed mill-aqwa ħbieb tiegħu, Franco Mercieca, li, skontu, kien ikurah meta kellu l-ewwel kanċer.
Schembri jgħid li meta Charles Mercieca telaq mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex ingħaqad mat-tim legali ta' Yorgen Fenech, bagħat is-screenshot lil Cremona u kitiblu:
"Temminha?"
Meta mistoqsi minn Cini għaliex uża l-kelma "urtat", Schembri jwieġeb:
"Jien u Johann għaddejna minn żminijiet diffiċli... tkun qed tgħix ħajja normali u tispiċċa tieħu l-pilloli u bil-kanċer."
Il-Prosekutur Godwin Cini jinsisti ma' Johann Cremona biex jispjega eżatt x'qalulu l-avukati ta' Yorgen Fenech waqt il-laqgħa.
Cremona jwieġeb:
"Qaluli biex ngħinu kemm nista'. Aktar minn dak li qaluli ma nistax ngħid. Għaddew 20 minuta f'daqqa."
Cini jkompli jistaqsih x'tip ta' għajnuna kienu qed jistennew minnu.
Cremona jirrepeti:
"Qaluli biex ngħinu kemm nista'."
Il-Prosekutur imbagħad jistaqsih kif seta' jgħinu u x'ried ifisser meta qal li ma riedx jagħmillu ħsara.
Cremona jwieġeb:
"Għedtilhom li kont diġà għentu kemm stajt. Kont naf u smajt ħafna affarijiet, iżda ridt inkun kemm jista' jkun imparzjali."
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Johann Cremona jekk il-kollega tiegħu semax il-konverżazzjoni li saret waqt il-laqgħa mal-avukati.
Cremona jwieġeb, "Le."
Mistoqsi x'intqal waqt dik il-laqgħa, Cremona jgħid:
"Talbuni ngħin lil Yorgen, u għedtilhom li diġà għentu kemm stajt."
Cini mbagħad jistaqsih x'ried ifisser b'"għentu kemm stajt."
Cremona jwieġeb:
"Meta xhedt ma għamiltlux ħsara."
Il-Prosekutur ikompli jistaqsih jekk dan ifissirx li ma qalx dak kollu li kien jaf dwar Yorgen Fenech.
Cremona jwieġeb li kien mistoqsi ċerti mistoqsijiet u għażel li ma jagħmilx ħsara lil Fenech għax kien ħabib tiegħu.
"Kelli viżibbiltà fuq ħafna affarijiet. Semmejt uħud minnhom ilbieraħ u ma ħadtnix bis-serjetà. Stajt għidt ħafna aktar."
L-għodwa t-tajba u merħba għar-rappurtaġġ live tagħna mill-Qorti hekk kif illum il-ġuri ta' Yorgen Fenech jidħol fil-25 jum tiegħu.
Illum l-attenzjoni terġa' ddur fuq l-eks Chief of Staff Keith Schembri, li huwa mistenni jkompli bix-xhieda tiegħu wara li lbieraħ qatta' sigħat fuq il-bank tax-xhieda jiċħad allegazzjonijiet dwar tnixxijiet mill-investigazzjoni, 17 Black u r-relazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech.
Is-seduta tal-bieraħ intemmet b'wieħed mill-aktar mumenti drammatiċi tal-ġuri s'issa, hekk kif il-Qorti ordnat konfront dirett bejn Schembri u Johann Cremona. Il-konfront spiċċa b'Cremona jinfaqa' jibki u jgħid li "Minn Alla biss nibża'", filwaqt li qal li ħajtu nbidlet kompletament f'dawn l-aħħar snin.
Aħna qegħdin fl-awla u se nkunu qed inwasslulkom l-aħħar żviluppi hekk kif iseħħu.