🔴 DIRETT
Ix-xhieda ta' Cremona, li bdiet ilbieraħ, kienet waħda mill-aktar estensivi fil-ġuri s'issa. Huwa ta rendikont dettaljat tal-konversazzjonijiet li qal li kellu ma' Melvin Theuma fix-xhur ta' qabel l-arrest tiegħu, filwaqt li sostna li Theuma kien jafdah b'dak li kien għaddej minnu.
Fost l-aktar punti li spikkaw, Cremona qal li Theuma kien irrakkontalu li Yorgen Fenech kien ordnalu jwaqqaf il-pjan qabel l-elezzjoni ġenerali, iżda li xorta waħda kien ħallas id-depożitu ta' €30,000 lill-aħwa Degiorgio. Huwa qal ukoll li Theuma allegatament kien jgħidlu li "Yorgen u Keith qabduni noqtolha", filwaqt li saħaq li dawn kienu kliem Theuma u mhux fatti li jaf bihom personalment.
Matul is-seduta, il-ġurati semgħu wkoll diversi recordings ta' konverżazzjonijiet bejn Cremona u Theuma, irreġistrati bil-moħbi minn Theuma. Cremona sostna li ħafna minn dak li jinstema' jgħid fir-recordings kien informazzjoni falza li kien jagħti lil Theuma biex jikkalmah u jżommu milli "jmur jikxef" dak li kien jaf.
Ix-xhud ta wkoll dettalji dwar il-kuntatti li qal li kellu ma' Keith Schembri f'Kastilja, kif ukoll dwar il-komunikazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech u Edgar Brincat.
Illum il-Qorti mistennija tkompli tisma' x-xhieda tiegħu, inkluż is-segwitu tar-recordings li bdew jinstemgħu lbieraħ u l-kontro-eżami mill-partijiet fil-kawża.
Il-prosekuzzjoni kompliet tanalizza r-recordings li nstemgħu fil-Qorti, u ffukat fuq diversi kummenti li għamel Johann Cremona waqt il-konverżazzjonijiet ma' Melvin Theuma.
Fosthom, Cremona kien instema' jgħid:
"Qabel ma narak ħieles minn kollox."
Quddiem il-ġurati, huwa spjega li kien qal dan biex jagħti kuraġġ lil Theuma u jikkonvinċih li kien se joħroġ mill-problemi li kien jinsab fihom.
Cremona kkonferma wkoll li, f'dik il-konverżazzjoni, id-diskors kien qed idur fuq Yorgen Fenech.
Il-prosekuzzjoni semmiet ukoll frażi oħra fir-recording fejn Cremona jgħid "dak tela' disa' xhur ilu", iżda meta ġie mistoqsi għal min kien qed jirreferi, huwa qal li ma jiftakarx.
F'punt ieħor tar-recording, Cremona jinstema' jgħid "dawn iħallsu l-Maġistrat". Quddiem il-Qorti, huwa talab skuża lill-maġistrat involut, mingħajr ma semmieh b'ismu.
Is-seduta reġgħet bdiet bir-recordings tal-konverżazzjonijiet bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.
Madankollu, bħalma ġara lbieraħ, il-kwalità tal-awdjo għadha dgħajfa ħafna, u dan qed jagħmilha diffiċli biex il-ġurnalisti fl-awla jifhmu b'mod ċar x'qed jingħad.
Pero ġejna nfurmati li l-problema teknika mistennija tiġi indirizzata waqt il-waqfa ta' nofsinhar, bil-għan li r-recordings li jifdal ikunu jistgħu jinstemgħu b'mod aktar ċar.
L-għodwa t-tajba u merħba għad-19-il jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech
Il-ġuri fil-konfront ta' Yorgen Fenech ikompli llum quddiem l-Imħallef Edwina Grima, hekk kif il-ġurati mistennija jkomplu jisimgħu x-xhieda ta' Johann Cremona.
Cremona temm ilbieraħ l-ewwel parti tax-xhieda tiegħu, li matulha ta rendikont dettaljat tal-konversazzjonijiet li qal li kellu ma' Melvin Theuma, filwaqt li l-Qorti semgħet ukoll diversi recordings irreġistrati bil-moħbi minn Theuma.
Illum, Cremona mistenni jkompli jwieġeb il-mistoqsijiet tal-prosekuzzjoni qabel il-kontro-eżami mid-difiża.
Inwasslulkom l-aħħar żviluppi mill-awla hekk kif iseħħu matul il-ġurnata.