Tliet irġiel ġew arrestati f'żewġ investigazzjonijiet separati tal-Pulizija marbuta ma' allegat importazzjoni u traffikar ta' droga.
Fl-ewwel operazzjoni, żewġ ċittadini Taljani ta' 22 u 19-il sena ġew arrestati wara operazzjoni ta' controlled delivery li saret wara li l-Pulizija interċettat pakkett suspettuż mibgħut minn Spanja permezz tas-servizz postali.
Skont il-Pulizija, fil-pakkett instab madwar 1.5 kilogramma ta' reżina tal-kannabis, suspettata li kienet maħsuba għat-traffikar.
Waqt tfittxijiet li saru fir-residenza fejn kienu joqogħdu ż-żewġ Taljani, il-Pulizija allegatament sabet aktar sustanzi suspettati li huma droga, kif ukoll oġġetti li allegatament kienu jintużaw fit-traffikar tad-droga.
F'investigazzjoni oħra, ġie arrestat Malti ta' 21 sena wara li allegatament instab fil-pussess ta' 170 pillola suspettata ecstasy, kif ukoll sustanzi suspettati li huma kokaina u faqqiegħ psikedeliku, li skont il-Pulizija kienu maħsuba għat-traffikar.
It-tliet irġiel mistennija jitressqu quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi għall-ħabta ta' nofsinhar.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar iż-żewġ każijiet għadhom għaddejjin.