Miguel Gaffarena, residenti Ħaż-Żebbuġ, deher quddiem il-Maġistrat Tanya Sammut nhar it-Tlieta fuq akkużi li kiser diversi kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li rrenda ruħu reċidiv. Hu kien qed jittratta l-vizzju tad-droga.
Il-qorti semgħet kif dakinhar tad-19 ta’ April 2026, għall-ħabta tal-10.30pm, tliet kuntistabbli kienu qed jagħmlu ronda l-Marsa.
Fuq il-post, l-uffiċjali nnotaw persuna mitluqa fuq bankina li dehret li ma kinitx f’sikkitha. Minn verifika li saret, irriżulta li r-raġel kien Miguel Gaffarena, fejn ġie eskortat lejn il-klinika tal-Furjana fil-11.05pm biex jiġi eżaminat minn infermiera qabel ma ttieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Waqt li kien qed jiġi eskortat, l-akkużat ammetta ma’ wieħed mill-uffiċjali li kien ilu xhur sħaħ ma jiffirma l-ktieb tal-ħelsien mill-arrest. Taħt il-kundizzjonijiet oriġinali tal-ħelsien mill-arrest mogħtija f’Ġunju 2024, Gaffarena kellu l-obbligu li jirrapporta l-għassa erba’ darbiet fil-ġimgħa, u li jirtira d-dar mhux aktar tard mid-9pm sas-6am.
L-Ispettur prosekutur Omar Zammit xehed li l-imputat kien naqas ukoll milli jidher għal żewġ seduti tal-qorti f’Marzu u April 2026 quddiem il-Maġistrat Ingrid Bianco.
Meta l-pulizija staqsietu għaliex ma kienx qed jiffirma, Gaffarena ta r-raġuni li huwa ma kienx jaf li għandu jiffirma. Huwa argumenta li peress li kien qed jattendi programm ta’ riabilitazzjoni kontra l-vizzju tad-droga fil-komunità ta’ San Blas, sakemm kien hemmhekk ma kellux bżonn jiffirma l-għassa.
Rappreżentanta tal-Caritas Malta ċċarat li għalkemm Gaffarena daħal f’San Blas fis-6 ta’ Novembru 2025 u mbagħad tela’ għall-fażi tal-programm fid-19 ta’ Jannar 2026, huwa ddeċieda volontarjament li jitlaq mill-programm fit-12 ta’ Frar 2026, xhur sħaħ qabel ma nstab mill-pulizija.
Waqt is-sottomissjonijiet finali, id-difiża talbet il-liberatorja tal-imputat minħabba li kien hemm żball fid-data tad-digriet tal-ħelsien mill-arrest. fl-akkuża. Iċ-ċitazzjoni tal-pulizija kienet tindika li d-digriet tal-Maġistrat Lara Lanfranco ingħata fil-25 ta’ Ġunju 2025, meta fil-verità d-digriet effettiv kien ingħata fil-25 ta’ Ġunju 2024.
Il-Maġistrat Sammut ċaħdet it-talba tad-difiża u kkonfermat li dan kien sempliċi żball fil-kitba u mhux nullità fundamentali.
Meta ġiet biex tikkunsidra l-piena, il-qorti uriet preokkupazzjoni serja dwar kemm Gaffarena huwa persuna affidabbli, speċjalment meta l-fedina penali tiegħu uriet li f’okkażjonijiet oħra kien diġà nstab ħati ta’ inosservanza ta’ ordnijiet tal-qorti.
Għal dawn il-motivi, il-qorti sabet lil Gaffarena ħati tal-akkużi kollha u kkundannat seba’ xhur priġunerija effettivi, li minnhom għandu jitnaqqas iż-żmien li qatta’ taħt arrest preventiv.
Barra minn hekk, il-qorti ordnat il-konfiska ta’ €600 u ordnat l-arrest mill-ġdid tiegħu.
Is-sentenza ġiet ordnata biex tiġi kkomunikata lill-Maġistrat Ingrid Bianco, li bħalissa qed tisma’ proċeduri separati fil-konfront tal-istess Gaffarena.