Żagħżugħ jingħata sentenza sospiża wara li ħareġ għarwien fl-Isla

L-Iskoċċiż ta’ 18-il sena kien fl-aħħar jum tal-vaganza tiegħu Malta

Turist ta’ 18-il sena ngħata sentenza sospiża u multa wara li fl-aħħar jum tal-vaganza tiegħu f’Malta, ħareġ għarwien fl-Isla.

Sean Graham Purves, turist Skoċċiż li kien fuq btala ma’ grupp ta’ ħbieb, ingħata sentenza ta’ xahar ħabs sospiża għal tliet xhur u multa ta’ €100 wara li deher miexi għarwien fi Triq Sant Anġlu, l-Isla, għall-ħabta tal-10 ta’ filgħodu.

Wara li sar rapport ġewwa il-Kunsill Lokali tal-Isla, il-filmati tal-inċident ġew mgħoddija lill-pulizija. Huwa ġie arrestat aktar tard fir-residenza li deher dieħel fiha. 

Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, Purves ġie akkużat li wettaq reat kontra d-diċenza u l-morali permezz ta’ att f’post pubbliku, kif ukoll li espona ruħu għarwien. 

Huwa ammetta għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.

L-avukat tal-għajnuna legali Martina Herrera spjegat li din kienet “ċajta għall-aħħar jum tagħhom f’Malta” u li ma kien hemm l-ebda intenzjoni ħażina. 

L-akkużat mistenni jirritorna lura lejn l-Iskozja llum stess.

Il-qorti nnutat li, minkejja li l-att sar bħala ċajta, huwa kellu jifhem li kellu jaċċetta l-konsegwenzi tal-għemil tiegħu. 

Il-qorti osservat ukoll li, għalkemm Purves għandu biss 18-il sena, f’din l-età wieħed jitqies bħala adult quddiem il-liġi.

Għaldaqstant, huwa ġie kkundannat għal sentenza ta’ xahar ħabs sospiża għal tliet xhur u multa ta’ €100.

L-Ispettur Kurt Farrugia mexxa l-prosekuzzjoni.

More in Qrati u Pulizija