Gokul Raj, mill-Indja, ġie mixli li fil-11 ta’ Marzu 2026, bejn is-2am u t-8pm, allegatament ikkaġuna biża’ lis-sieħba tiegħu li setgħet tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha.
Il-qorti semgħet kif l-imputat huwa wkoll akkużat li kkawża ġrieħi ħfief lis-sieħba tiegħu mingħajr l-intenzjoni li joqtol jew iqiegħed ħajjitha f’periklu serju. Dawn il-ġrieħi ġew iċċertifikati minn tabib fl-Isptar Mater Dei.
Fost l-akkużi hemm ukoll li Raj allegatament għamel ħsara fil-proprjetà tal-vittma, inkluż mobile tat-tip iPhone, fejn id-dannu jiswa madwar €130.
Huwa qed jaffaċċja wkoll akkużi li hedded u insulta lill-mara, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika.
Il-prosekuzzjoni talbet lill-qorti sabiex toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u l-familja tagħha waqt li l-każ ikun għaddej, u wkoll ordni ta’ restrizzjoni f’każ li jinstab ħati.
Il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, minħabba l-biża' tal-intralċ tal-provi.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ppresediet fuq is-seduta.
L-Ispettur Audrey Micallef mexxiet il-prosekuzzjoni f’isem il-Kummissarju tal-Pulizija. L-avukat difensur Mark Mifsud Cutajar deher għall-imputat