Il-pulizija u l-Interpol ma rnexxilhomx isibu lil Jeremy Harbinson, li huwa mfittex f'Malta biex jixhed dwar l-involviment tiegħu fl-investigazzjoni ta' Vitals.
Nhar l-Erbgħa, fi proċedimenti kontra Adrian Hillman, l-eks direttur maniġerjali ta' Allied Newspapers akkużat b'ħasil ta' flus, tixħim u frodi, il-qorti semgħet li t-tfittxijiet internazzjonali għal Jeremy Harbinson ma taw “assolutament l-ebda riżultat” sal-lum.
Is-Supretendent Mario Cuschieri xehed li minkejja l-ħruġ ta' diffużjoni blu tal-Interpol u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għal-lokalizzazzjoni, għadu mhux magħruf fejn jinsab Harbinson.
Il-qorti staqsiet jekk il-pulizija setgħetx tuża d-dettalji ta' mart Harbinson biex issegwih, peress li kienet ġiet notifikata qabel, iżda l-prosekuzzjoni kkonfermat li ma kien hemm l-ebda riżultat fil-livelli tal-UE jew internazzjonali, inkluż fl-Irlanda.
Id-difiża, immexxija mill-Professur Stefano Filletti u l-avukata Kathleen Grima argumentat li ż-żamma kontinwa tar-rapport ta’ Harbinson waqt li l-awtur tiegħu jinsab “moħbi” hija suspettuża ħafna.
Filletti insista li l-qorti ma tistax tippermetti li rapport jibqa’ parti mill-atti jekk Harbinso qed juri tali “eżitazzjoni biex jidher”.
L-avukata Kathleen Grima qalet li anke jekk Harbinson eventwalment jinstab, ir-regoli tal-UE jiddettaw li xhud jista’ jiġi mġiegħel jixhed biss jekk jixtieq jagħmel dan.
Harbinson diġà ddikjara li ma jridx jixhed, u dan wassal lid-difiża biex tissuġġerixxi li l-proċedimenti se jibqgħu “mwaħħlin” irrispettivament mir-riżultat tat-tfittxija.
Il-Qorti ordnat li l-korrispondenza kollha bejn Harbinson u l-Qorti tiġi esebita uffiċjalment fl-atti tal-każ.