Rappreżentant ta’ kumpanija tal-iGming xehed fil-Qorti nhar it-Tlieta li l-kumpanija nefqet €330,000 f’miżuri biex jirrimedjaw is-sigurtà wara li eks-impjegat kiseb aċċess mhux awtorizzat għas-“source code” tagħha, li jservi bħala l-pedament tal-operat kollu tagħha.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella semgħet li dan il-ksur kien jeħtieġ tim ta’ 14-il persuna jaħdmu lejl u nhar biex jaraw eżatt x’kien ġara lis-sistema, kif ukoll biex ibiddlu l-kredenzjali tal-aċċess tal-impjegati, proċess li kien jeħtieġ l-għajnuna ta’ speċjalisti esterni.
Ir-rappreżentant tal-kumpanija spjega l-ħsara li setgħet ikkawżat t-tixrid ta’ din it-tip ta’ informazzjoni, fejn stqarr li f’idejn ħżiena, aċċess għas-source code jista’ jippermetti lil hackers jisirqu l-flus tal-kumpanija jew jirreplikaw kompletament il-mudell tan-negozju tal-kumpanija.
Barra minn hekk, tqajjem tħassib serju dwar is-sigurtà tal-impjegati, peress li leaks simili fl-industrija barra minn Malta ġieli wasslu għal każijiet ta’ ħtif ta’ persuni.
L-investigazzjoni bdiet fi Frar tal-2026 meta l-kumpanija rċiviet ritratt minn sors anonimu ta’ laptop tal-kumpanija. Fuq l-iskrin tal-laptop kien hemm screenshot ta’ data sensittiva li setgħet biss tiġi aċċessata minn ħaddiema tal-istess kumpanija.
Għalkemm l-inġinier kien barra minn Malta meta sar ir-rapport, huwa ġie arrestat fl-ajruport malli rritorna, u t-tagħmir elettroniku tiegħu ġie sekwestrat.
L-Ispettur Marcus Cachia miċ-Cyber Crime Unit ikkonferma li l-akkużat ikkoopera bis-sħiħ matul l-investigazzjoni.
Filwaqt li l-akkużat ammetta l-akkużi kontrih, mill-kontro-eżami ħareġ li s’issa m’hemm l-ebda prova li xi data tal-kumpanija kienet kondiviża ma’ terzi persuni.
Ħareġ ukoll li matul l-proċeduri, l-akkużat u t-tim tekniku tal-kumpanija ħadu b’idejn xulxin wara li l-akkużat ikkoopera bis-sħiħ.
L-akkużat se jibqa’ jgawdi l-ħelsien mill-arrrest taħt garanzija personali ta’ €50,000 u depożitu ta’ €500.
L-identità tiegħu u dik tal-kumpanija huma protetti b’ordni tal-Qorti minħabba s-sensittività tal-każ.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Mauro Cachia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-ispettur Marcus Cachia.
Għall-akkużat deher l-avukat Christian Camilleri, filwaqt li l-Professur Stefano Filletti rrappreżenta lill-kumpanija.