Raġel miċħud il-libertà proviżorja f’każ ta’ vjolenza domestika

Raġel ta’ 46 sena, li jaħdem bħala crane operator u joqgħod iż-Żejtun, ġie miċħud il-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-qorti akkużat li ffastidja lil martu f’każ marbut ma’ allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika u abbuż mid-droga

Il-Qorti semgħet li fis-7 ta’ Marzu l-mara tal-akkużat għamlet kuntatt mal-Domestic Violence Unit biex tirrapporta inċident ta’ fastidju. Hija qalet lill-pulizija li żewġha kien jissuspetta li kellha relazzjoni ma’ wieħed mill-ġirien tagħhom.

Skont il-prosekuzzjoni, il-mara kienet ilha żmien issostni finanzjarjament lill-akkużat minħabba l-vizzju tad-droga tiegħu. Matul il-lejl tal-inċident, hija telqet mid-dar bil-moħbi biex tagħmel rapport lill-pulizija, għax beżgħet li żewġha kien taħt l-effett tad-droga. F’dak il-ħin, iż-żewġ ulied tal-koppja, ta’ 14 u 12-il sena, kienu fid-dar.

Il-prosekuzzjoni allegat ukoll li waqt l-inċident ir-raġel sar vjolenti u għamel ħsara lill-għamara fid-dar. Il-prosekuturi qalu li t-tfal għandhom jitqiesu wkoll bħala vittmi tal-każ.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara, filwaqt li wissiet lill-akkużat biex ma jużax lit-tfal bħala mezz biex jikser l-ordni.
Id-difiża talbet li jinħareġ ordni ta trattament, u sostniet li l-użu tad-droga mill-akkużat seta’ kkontribwixxa għall-inċident. Il-Qorti laqgħet din it-talba.

L-avukat tad-difiża talab ukoll għall-ħelsien mill-arrest, fejn omm l-akkużat xehdet li huwa jista’ joqgħod għandha u li hija lesta taġixxi bħala garanzija jekk jinkisru xi kundizzjonijiet.

Meta mistoqsija dwar l-użu tad-droga, l-omm qalet li qatt ma rat lil binha jkun vjolenti u sostniet li quddiemha kien biss jpejjep il-kannabis.

Qalet ukoll li binha kien jaħdem bix-shift fil-Freeport u ġeneralment kien jagħmel ukoll xogħol ieħor.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, u enfasizzat is-serjetà tal-allegazzjonijiet, filwaqt li rrimarkat li l-mara u t-tfal kellhom jitilqu mid-dar matrimonjali u jfittxu kenn f’shelter.

Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-akkużat allegatament għandu dipendenza serja mid-droga, inkluż mill-kokaina, u li kien jagħmel pressjoni fuq martu biex tiġbed flus mill-bank biex issostni l-vizzju tiegħu.

Sar riferiment ukoll għal risk assessment li indika “periklu estrem li l-mara tista’ tinqatel minn żewġha”. Il-Maġistrat Nadine-Sant Lia ddeskriviet ir-rapport bħala “xokkanti” u qieset bis-serjetà l-protezzjoni tal-mara u tat-tfal, li jidher li kienu qed jgħixu f’biża’ kontinwa.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi, filwaqt li l-avukat Roberto Montalto deher għad-difiża.

More in Qrati u Pulizija