Raġel jinħeles mill-akkużi ta’ serq minn skola f’Raħal Ġdid
Wayne Delia ta' 40 sena lliberat mill-akkuża li seraq apparat elettroniku minn skola f'Raħal Ġdid
minn Ħaley Xuereb
Wara investigazzjoni li l-Qorti ddeskriviet bħala waħda b’nuqqasijiet "lampanti," raġel ta’ 40 sena ġie lliberat mill-akkuża li seraq eluf ta’ ewro f’apparat elettroniku mill-Iskola Primarja Gużè D’Amato, b’diversi aggravji u akkużi ta’ riċediva jaqgħu minħabba nuqqas ta’ provi konkreti u proċedurali
Wayne Delia ġie ddikjarat mhux ħati ta’ serq aggravat li seħħ f’Novembru tal-2017 wara li l-Qorti tal-Maġistrati ddeċidiet li l-unika rabta diretta tiegħu max-xena tar-reat, marka tal-pala tal-id fuq in-naħa ta’ barra ta’ tieqa, ma kinitx biżżejjed biex turi l-ħtija tiegħu lil hinn minn kull dubju raġonevoli.
L-imputat kien akkużat li fil-lejl ta’ bejn is-16 u s-17 ta’ Novembru 2017, wettaq serq aggravat minn ġewwa l-Kulleġġ San Ġorġ Preca Primary A. L-oġġetti misruqa kienu jinkludu televiżjoni HPL8, interactive whiteboard, monitor HP, u apparat ieħor b’valur li jaqbeż l-elfejn ewro.
Barra minn hekk, huwa kien akkużat bi ksur ta’ tliet sentenzi ta’ probation, ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, u li rrenda ruħu riċediv.
Kif seħħet is-serqa skont ix-xhieda
Mill-investigazzjoni irriżulta li min wettaq is-serqa probabbilment kellu jaqbeż grada għolja sular biex daħal fl-iskola. Skont il-purtinar Salvu Pace, il-klassijiet ġew msakkra l-lejl ta’ qabel, iżda l-għada filgħodu sab li t-tieqa ta' klassi numru 11 kienet inqalgħet u nstabet mal-art fil-ħamrija tal-ġnien. L-apparat inħareġ mill-istess tieqa, tant li nstabet marka tal-istess kulur tat-television maċ-ċint tal-iskola.
Minkejja li l-alarm kien mixgħul mis-6:30 ta’ filgħaxija, dan ma deherx li nstema’ matul il-lejl. Kien biss fil-5:30 ta’ filgħodu li l-purtinara Mary Grace Farrugia sabet il-bibien kollha msakkra, iżda s-serqa ġiet skoperta aktar tard meta beda t-tindif tal-klassijiet.
Il-marki tas-swaba u n-nuqqasijiet fl-investigazzjoni
L-unika prova li kienet torbot lil Delia max-xena kienet marka tal-pala tal-id il-leminija misjuba fuq il-frame tat-tieqa. Madankollu, il-Qorti nnutat li din il-marka nstabet biss fuq in-naħa ta’ barra tat-tieqa. Id-difiża argumentat li peress li l-iskola hija post pubbliku u l-marka kienet fuq barra, din ma kinitx prova biżżejjed ta' ħtija lil hinn minn kull dubju raġonevoli.
Il-Qorti ikkritikat diversi punti fl-investigazzjoni. Bdiet mill-fatt li ma ġew elevati l-ebda filmati mis-sistema tas-CCTV tal-iskola jew tal-akkwati. Ukoll, LSE fl-iskola sabet torċa ħamra li ma kinitx tal-iskola f’kaxxa tal-flash cards, iżda l-Pulizija ma għamlitx analiżi forensika fuqha meta nstabet. Saħqet li ma saret l-ebda analiżi fuq il-grada jew il-ħajt biex jiġi kkonfermat jekk kienx hemm sinjali li jikkonfermaw l-ipoteżi tal-prosekuzzjoni, ossija li l-imputat aċċessa l-klassi billi tela’ mal-grada.
Id-deċiżjoni tal-Qorti
Fil-konklużjoni tagħha, il-Magistrat Stafrace Zammit spjegat li l-aggravji ta' "lok" u "ħin" ma ġewx ippruvati legalment. Skola tal-Gvern ma taqax taħt id-definizzjoni ta' "lok" skont l-Artikolu 269 tal-Kodiċi Kriminali, u ma kien hemm l-ebda prova tal-ħin preċiż tas-serqa biex jiġi ppruvat l-aggravju tal-lejl.
Rigward l-akkużi l-oħra ta’ riċediva u ksur ta’ sentenzi tal-passat, il-Qorti nnutat li l-prosekuzzjoni naqset milli tressaq xhud (bħal Deputat Reġistratur) biex jikkonferma bil-ġurament li s-sentenzi ppreżentati kienu saru definittivi (res judicata).
Peress li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ tagħha lil hinn minn kull dubju raġonevoli, il-Qorti lliberat lil Wayne Delia minn kull akkuża.
