Raġel ta’ 25 sena tressaq quddiem il-Qorti wara li ġie arrestat wara rapport ta’ vjolenza domestika li allegatament seħħet fil-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ Frar.
Skont il-Prosekuzzjoni, l-akkużat huwa allegat li volontarjament ikkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi lil ommu, f’ċirkostanzi li jikkostitwixxu reat ta’ vjolenza domestika aggravat. Huwa jinsab mixli wkoll li kkaġuna biża’ li tintuża vjolenza kontra l-istess persuna. F’dan l-istadju, id-difiża ma talbitx il-libertà proviżorja iżda ntalbet awtorizzazzjoni sabiex l-akkużat jinżamm fl-unità forensika tal-Isptar Mount Carmel għall-kura u l-evalwazzjoni meħtieġa. Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba, u l-Qorti laqgħetha.
L-avukata tal-AG Jennifer Polidano u l-ispettur Carlos Cordina mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat Mark Mifsud Cutajar deher għall-akkużat.