Żewġ żgħażagħ jingħataw libertà kundizzjonata wara vandaliżmu f’Tas-Sliema
It-tfajliet jammettu li wettqu atti ta' vandaliżmu waqt li kienu fis-sakra
More in Qrati u Pulizija
It-tfajliet jammettu li wettqu atti ta' vandaliżmu waqt li kienu fis-sakra
Żewġ tfajliet ta’ 22 u 19-il sena ġew ikkundannati għal libertà kundizzjonata għal perjodu ta’ sena wara li nstabu ħatja li kkawżaw ħsara mal-faċċati ta’ żewġt idjar f’Tas-Sliema billi sprejjaw żebgħa fuqhom.
Il-każ seħħ wara li raġel li jaħdem f’gabbana fiż-żona rrapporta lill-Pulizija li kien ra liż-żewġ tfajliet jagħmlu ħsara lill-propjetà. Meta l-uffiċjali marru fuq il-post sabu lit-tfajliet li inizjalment ċaħdu kull involviment, iżda aktar tard ġew identifikati permezz ta’ filmati li dehru fuq il-midja soċjali.
Waqt l-investigazzjonijiet, it-tfajliet ammettew li kienu wettqu l-atti vandali u ġew imressqa quddiem il-Qorti, fejn ġew mixlija mill-Ispettur Ian Azzopardi b’vandaliżmu u li wettqu r-reat waqt li kienu fis-sakra.
Fix-xhieda quddiem il-qorti, wieħed mis-sidien irrakkonta li waqt li kien qed joħroġ il-kelb għal mixja, lemaħ kliem miżbugħ b’żebgħa ħadra fuq faċċata ta’ dar. Sid ieħor qal li sab ħsara simili fuq il-propjetà tiegħu u spjega li kien ġie kkumpensat €1,652 għall-ispejjeż tal-ħsara, filwaqt li qal li ħafer liż-żewġ tfajliet.
Il-prosekuzzjoni ppreżentat ukoll filmati tal-inċident. Wara li eżamina l-provi kollha, il-Maġistrat Leonard Caruana sab lit-tfajliet ħatja ta’ vandaliżmu, iżda ma qabilx mal-akkuża li kienu taħt l-influwenza tal-alkoħol meta seħħ ir-reat.
Fil-piena, il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni l-età tal-akkużati u l-fatt li għandhom kondotta tajba, u għalhekk imponiet libertà kundizzjonata għal perjodu ta’ sena.
Barra minn hekk, il-qorti ordnat liż-żewġ tfajliet iħallsu s-somma ta’ €767 lil wieħed mis-sidien biex jkopru l-ispejjeż tar-riparazzjoni tal-ħsara kkawżata lill-faċċata tad-dar tiegħu.