Ir-raġel ta’ Mildred Azzopardi ma jiftakar xejn wara l-inċident fatali bil-karozza li ħa l-ħajja ta’ martu

Alfred Azzopardi sofra ġrieħi serji ħafna fir-ras b’riżultat tal-inċident, tisma l-qorti

Mildred Azzopardi (fl-inset) li tilfet ħajjitha f'ħabta bejn żewġ karozzi l-Belt Valletta
Mildred Azzopardi (fl-inset) li tilfet ħajjitha f'ħabta bejn żewġ karozzi l-Belt Valletta

Ir-raġel ta’ Mildred Azzopardi ma jiftakar xejn mill-mumenti li segwew l-inċident fatali bil-karozza li wassal għall-mewt ta’ martu, semgħet qorti nhar it-Tlieta.

Dan ħareġ hekk kif kompliet il-ġbir tal-provi kontra Benjamin Chetcuti, suldat ta’ 23 sena minn Raħal Ġdid, li qed iwieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ omiċidju involontarju f’inċident li seħħ f’Lulju li għadda.

Huwa kien qed isuq Subaru Impreza meta ħabat ma’ Ford Fiesta pparkjata fi Triq Ta’ Liesse, il-Belt Valletta. B’riżultat ta’ dan, Mildred Azzopardi tilfet ħajjitha.

Il-vittma mietet fuq il-post, filwaqt li żewġha Alfred Azzopardi qatta’ perjodu f’qagħda ta’ periklu għall-ħajja. Ir-raġel ta’ Mildred Azzopardi, li ta xhieda qasira, qal li hu u martu kienu waslu u pparkjaw, u li hu baqa’ bilqiegħda fis-sit tas-sewwieq waqt li martu ħarġet mill-karozza biex tpoġġi xi affarijiet fil-bagoll.

Ftit wara seħħ l-impatt, iżda minn dak il-mument ’il quddiem ma jiftakar xejn aktar, ħlief li qam l-isptar u sar jaf b’dak li ġara permezz tal-awtoritajiet.

L-Ispettur Nathan Bugeja xehed ukoll quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, u qal li mar fuq il-post ftit wara l-inċident u spjega l-andament tal-investigazzjoni.

Huwa qal li tobba kienu preżenti fuq il-post jagħtu l-ewwel għajnuna, filwaqt li l-pulizija bdew minnufih l-investigazzjonijiet. Il-qorti semgħet ukoll ix-xhieda ta’ Jonathan Joslyn, li kien l-ewwel tabib li wasal fuq il-post. Huwa ddeskriva l-qagħda estremament kritika li fiha sab lill-vittma mara, magħfusa bejn iż-żewġ vetturi.

Żewġha, min-naħa l-oħra, kien qed isofri minn ġrieħi fir-ras. Meta mistoqsi jekk l-akkużat kienx preżenti fuq il-post, it-tabib qal li ma setax jiftakar, peress li l-attenzjoni tiegħu kienet kompletament iffukata fuq Mildred Azzopardi u żewġha.

L-eks Assistent Kummissarju Dennis Theuma xehed ukoll, u qal li s-Subaru Impreza involuta fl-inċident kienet irreġistrata f’isem in-nannu tal-akkużat, iżda li Benjamin Chetcuti kien ukoll sewwieq awtorizzat. Il-karozza kellha polza ta’ assigurazzjoni, iżda ġie spjegat li l-akkuża tas-sewqan mingħajr assigurazzjoni qamet minħabba li l-polza ma tkoprix sitwazzjonijiet fejn is-sewwieq ikun taħt l-influwenza tal-alkoħol.

L-esperta tal-qorti Marisa Cassar xehedet ukoll, u spjegat li ttieħed swab miċ-ċinturin tas-sigurtà tas-sewwieq. Minn dan l-eżerċizzju nstab profil tad-DNA ta’ persuna maskili, dak tal-akkużat.

F’seduta preċedenti, il-qorti kienet semgħet li ftit qabel l-inċident, il-vittma kienet qed tistad ma’ żewġha fl-inħawi.

Wara l-ħabta, Chetcuti qed jiġi mixli wkoll li kkawża ġrieħi gravi lil żewġ il-vittma b’negliġenza, li kkawża ħsarat lil diversi vetturi oħra, fosthom Toyota Vitz, Znen, Yamaha u Ford Fiesta, u li naqas milli jipprevjeni reat minkejja li kien uffiċjal pubbliku.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukata Darleen Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, bl-assistenza tas-Supretendent Nicholas Vella.

L-akkużat qed jiġi assistit mill-avukati tad-difiża Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri, filwaqt li Lara Dimitrijevic qed tidher f’isem il-familja tal-vittma.

More in Qrati u Pulizija