Raġel intbagħat seba’ snin ħabs

Aboubaker Diakite ammetta li kkawża nar u ħsarat estensivi fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni tal-Ħal Far fl-2022, b’aktar minn 20 persuna ittieħdu l-isptar minħabba d-duħħan

Raġel ta’ 34 sena ġie kkundannat għal seba’ snin ħabs wara li ammetta li qabad jaħraq saqqu u kkawża ħsarat kbar waqt inċident ta’ nar fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni tal-Ħal Far fl-2022, li wassal biex aktar minn 20 persuna kellhom jiġu ttrattati  ħabba d-duħħan.

Aboubaker Diakite wieġeb ħati nhar il-Ġimgħa quddiem l-imħallef Consuelo Scerri Herrera, wara li ntwera ftehim magħmul mal-prosekuzzjoni skont l-Artikolu 453A tal-Kodiċi Kriminali. Il-Qorti wissiet lill-akkużat dwar il-konsegwenzi tal-ammissjoni tiegħu qabel ma kompliet bil-kundanna.

Il-każ imur lura għall-5 ta’ Mejju 2022. Xhieda rrakkontaw kif għall-ħabta tal-11:30am, uffiċjal tad-Detention Services, Maria Dolores Mallia, semgħet lil Diakite jgħajjat minn tieqa, jarmi xkupa barra u jhedded li “jerġa’ jħallas lil kulħadd lura”. Madwar nofs siegħa wara, huwa qabad saqqu fil-kamra tal-banju fiż-Zone B fil-Block D, waqt li ġewwa kien għad hemm nies oħra.

Persuna oħra provat twaqqfu imma minkejja dan, Diakite qabad jagħmel aktar ħsara billi għaffeġ armar fil-banju, inkluż pajp tal-ilma.

In-nar ikkrea sitwazzjoni ta’ periklu serju u wassal biex aktar minn għoxrin priġunier, inkluż l-istess Diakite, ittieħdu Mater Dei għal kura kontra l-inħas tad-duħħan. Espert tal-Qorti David Borg Saydon spjega li l-konsegwenzi setgħu kienu ħafna itqal peress li l-bibien kienu msakkra biex jinżamm kontroll fuq il-persuni fiċ-ċentru.

L-ħsara totali telgħat għal €5,370 skont rapport ta’ espert ieħor, Lennox Vella. Il-Qorti kkundannat lil Diakite biex iħallas wkoll l-ispejjeż tal-esperti li jammontaw għal €1,857.19 fi żmien sena, jew inkella jiġu kkunsidrati bħala pieni addizzjonali ta’ priġunerija.

Il-piena ta’ seba’ snin ħabs se tiġi mnaqqsa bil-perjodu li Diakite diġà qatta’ taħt arrest preventiv. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ oġġetti użati fil-kummissjoni tar-reat.

More in Qrati u Pulizija