Sewwieq immultat wara li weġġa’ mara fuq żebra crossing

Il-mara sofriet minn kustilja u minkeb miksura

Il-qorti mmultat lil Martin Agius €2,329.37 wara li nstab ħati li saq b’mod negliġenti, mingħajr liċenzja valida maħruġa minn Transport Malta, u li ma naqqasx il-veloċità u lanqas waqaf f’żebra crossing, u b’hekk ikkawża ġrieħi gravi lil mara.

L-inċident seħħ fi Triq Lapsi, San Ġiljan, qrib il-magna ATM tal-BOV. Il-vittma qalet li kienet qed tirritorna mix-xogħol madwar is-6pm meta resqet biex taqsam iż-żebra crossing. Wara li ħarset lejn ix-xellug u l-lemin u ma rat l-ebda vettura ġejja, bdiet taqsam. Ftit sekondi wara semgħet ħoss, waqgħet mal-art u ħasset uġigħ qawwi u xokk. Hija rrakkuntat kif il-mutur ħadha b’daqqa u s-sewwieq lanqas ma waqaf biex jara x’ġara. “Stajt inqtilt dakinhar,” qalet fil-qorti.

L-ambulanza ħaditha Mater Dei fejn saru X-rays li wrew kustilja u minkeb miksurin.  Il-mara qalet li t-trauma tal-inċident ħallietha f’xokk u ma setgħetx issuq għal aktar minn tliet xhur.

Fil-qorti, Agius ammetta li kien qed isuq mutur Yamaha u li laqat lill-mara, ikkawżalha l-ġrieħi. Il-qorti kkonkludiet, lil hinn minn kull dubju, li huwa saq b’mod perikoluż u ma ta l-ebda attenzjoni f’żona fejn il-prijorità tingħata lil min ikun qed jaqsam.

Minbarra l-multa, il-qorti ssospendiet il-liċenzja tas-sewqan tiegħu għal tliet xhur u naqqsitlu sitt punti mil-liċenzja. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.

More in Qrati u Pulizija