Mara tweġġa' gravi f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar

Mara ta' 73 sena bi ġrieħi gravi u tfjla ta' 19 -il sena bi ġrieħi ħfief wara ħabta bejn żewġ karozzi fi Triq il-Kappella ta’ Xagħra, fin-Naxxar

Mara ta’ 73 sena sofriet ġrieħi gravi wara ħabta bejn żewġ vetturi li seħħet dalgħodu, għall-ħabta tat-tmienja, fi Triq il-Kappella ta’ Xagħra fin-Naxxar.

Skont il-Pulizija, l-inċident seħħ bejn karozza tat-tip Mazda Demio misjuqa minn tfajla ta’ 19-il sena u Mercedes Benz misjuqa minn raġel ta’ 61 sena. Fil-vettura Mercedes kien hemm ukoll il-mara ta’ 73 sena bħala passiġġiera.

Tim mediku u ambulanza waslu fuq il-post u ħadu lit-tfajla u lill-passiġġiera tal-Mercedes l-Isptar Mater Dei. Aktar tard, l-anzjana ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi, filwaqt li t-tfajla ġiet iċċertifikata bi ġrieħi ħfief.

Il-Pulizija kkonfermat li t-tliet persuni involuti huma kollha residenti n-Naxxar. L-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija