Tifel ta’ 11-il sena tilef ħajtu

Tfittxija għadha għaddejja għall-missier, filwaqt li t-tifel ta’ 11-il sena ġie iċċertifikat mejjet

Illum wara nofsinhar, għall-ħabta tas-1:15 p.m., il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra, ix-Xagħra, Għawdex, wara rapport li raġel u tifel kienu sabu ruħhom f’diffikultà fil-baħar.

Minnufih, il-Pulizija marru fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel ta’ 37 sena u t-tifel ta’ 11-il sena, it-tnejn ċittadini Ingliżi, kienu qed jgħumu meta sabu ruħhom f’diffikultà.

Intalbet ukoll l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Protezzjoni Ċivili, li bdew tfittxija intensiva fuq il-baħar permezz ta’ dinghy u ħelikopter.
L-ewwel li ġie salvat kien it-tifel, li ngħata l-għajnuna medika fuq il-post u ttieħed immedjatament l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ambulanza. Sfortunatament, ftit tal-ħin wara t-tifel ġie iċċertifikat mejjet.

Sadanittant, l-operazzjonijiet tat-tfittxija għar-raġel għadhom għaddejjin.

Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Jean Paul Grech LL.D., ġie infurmat bil-każ u fetaħ inkjesta maġisterjali. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija