Mara ta’ 43 sena minn Raħal Ġdid ġiet ikkundannata disa’ xhur ħabs wara li nstabet ħatja li kienet qed tfittex jew tħajjar għall-prostituzzjoni f’post pubbliku f’Ta’ Xbiex. Il-każ seħħ f’Ġunju tal-2024 u l-mara kienet ukoll mixlija bħala rreċediva.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, semgħet kif Elaine Diacono kienet akkużata li fit-25 ta’ Ġunju 2024, bejn nofsillejl u l-ewwel sigħat ta’ filgħodu, kienet qed titlob jew tħajjar għall-finijiet ta’ prostituzzjoni jew skopijiet immorali f’post pubbliku jew aċċessibbli għall-pubbliku f’Ta’ Xbiex.
Il-prosekuzzjoni ressqet ukoll affidavit mill-pulizija li kkonferma li Diacono kienet diġà nstabet ħatja ta’ reat simili fis-14 ta’ Mejju 2013, sentenza li ma ġietx appellata u li l-multa relatata kienet diġà ġiet imħallsa.
Il-Qorti nnutat li l-akkużata għażlet li ma tkunx assistita minn avukat u li ma tatx xhieda f’difiża tagħha. Wara li eżaminat id-dokumenti u l-provi kollha ppreżentati, il-Qorti kkonkludiet li l-akkuża dwar il-prostituzzjoni nstabet ippruvata fuq il-bażi tal-affidavit tal-pulizija, filwaqt li l-akkuża ta’ reċidiva ġiet ikkonfermata permezz ta’ dokumenti uffiċjali mill-uffiċċju tad-Deputat Reġistratur tal-Qorti Kriminali u tat-Tribunali.
B’hekk, Diacono nstabet ħatja fuq iż-żewġ akkużi u ġiet ikkundannata għal disa’ xhur ħabs.