Okamura Satoshi, Ġappuniż li ammetta diversi każijiet ta’ kera u ksur tal-liġi kontra l-annimali, kien qal lill-uffiċjal tal-probation tiegħu li “l-qtates huma bħan-nisa li jmorru wara l-flus.” Dan ħareġ waqt is-sottomissjonijiet għall-piena li saru mill-prosekuzzjoni nhar it-Tlieta fil-qorti.
Satoshi kien arrestat wara li nstabu numru ta’ qtates mutilati. L-Ispettur Eliot Magri qal li l-akkużat ammetta li kien jirreaġixxi bi vjolenza biss meta l-qtates kienu jigdimuh jew jattakkawh, iżda filmati ppreżentati lill-qorti juru lilu jaqbad qattus minn denbu b’mod vjolenti waqt li kien rieqed.
Waqt l-interrogazzjoni tiegħu, Satoshi qabbel it-trattament tiegħu tal-qtates mal-fehmiet tiegħu dwar in-nisa, fejn stqarr li l-annimali "jippermettuli interazzjoni biss meta jkollu l-ikel", u qabbilhom ma' "nisa li jiġru wara l-irġiel għal flus". L-akkużat allegatament xebbah il-qtates ma' nisa li jieħdu pjaċir biss meta l-irġiel ikollhom il-flus. "Il-qtates huma l-istess, jippermettuli nmellishom biss meta jkolli l-ikel".
Il-prosekuzzjoni nnutat ukoll li l-akkużat semma l-abbuż minn missieru bħala waħda mir-raġunijiet wara l-qtil. Waqt laqgħat mal-uffiċjal tal-probazzjoni tiegħu, Satoshi kien ġie mistoqsi dwar kwistjonijiet familjari possibbli, iżda huwa kien kontinwament irrifjuta tali talba. Lill-uffiċjal tal-probazzjoni tiegħu, Satoshi ddeskriva trobbija familjari kuntenta u magħquda, b’relazzjoni eċċellenti maż-żewġ ġenituri u li missieru ħadem ħafna biex jipprovdi għall-familja tiegħu u mmotivah għall-istudji tiegħu.
L-Ispettur Magri argumenta li l-akkużat kellu żmien biżżejjed biex jagħti l-verżjoni tiegħu u li l-kredibbiltà tiegħu kienet imdgħajfa bil-kuntradizzjonijiet. Għaldaqstant talab li tiġi imposta piena massima ta’ sentejn ħabs effettiv, billi enfasizza s-serjetà tal-fatti, u li wara s-sentenza l-akkużat jiġi immedjatament deportat.
Min-naħa tad-difiża, argumentat li din ir-rivelazzjoni tard uriet b’mod ċar it-trawma tal-akkużat u n-nuqqas ta’ rieda tiegħu li jiddiskuti l-esperjenzi trawmatiċi tiegħu. L-avukat tad-difiża Adreana Zammit enfasizzat id-diffikultà tal-akkużat biex jesprimi ruħu u li hemm bżonn ċar ta’ appoġġ psikoloġiku professjonali.Zammit, flimkien mal-avukata Marion Camilleri, argumentat li sentenza sospiża flimkien ma’ multa u ordni ta’ trattament ikunu aktar effettivi biex ma jerġax jikkommetti reati simili, milli priġunerija waħedha. Hija enfasizzat ukoll li Satoshi m’għandu l-ebda rekord kriminali preċedenti.
Il-kawża ġiet aġġornata għas-sentenza fl-14 ta’ Ottubru fis-9:00am.
Il-każ qed jitmexxa mill-Maġistrat Nadine Sant Lia. L-Ispettur Eliot Magri qed imexxi l-prosekuzzjoni, waqt li l-avukati Adreana Zammit u Marion Camilleri qed jiddefendu lill-akkużat.