Il-Pulizija arrestat raġel suspettat li wettaq serqa f’ħanut fix-Xagħra, Għawdex.
Il-Pulizija qalet li għall-ħabta tat-8pm nhar il-Ħamis, ir-raġel daħal fil-ħanut armat b’arma tan-nar. Is-suspettat talab lill-kaxxier jagħtih il-flus u telaq bil-flus kontanti.
Is-suspettat ħarab b’karozza, fejn il-pulizija tissuspetta li kien hemm kompliċi jistennieh. Aktar investigazzjonijiet tal-pulizija żvelaw li l-karozza kienet insterqet ftit mumenti qabel mix-Xewkija.
Il-pulizija qalet li rċeviet informazzjoni li wieħed mill-awturi tar-reat possibilment kien fl-Imġarr jistenna biex jitla’ fuq vapur lejn Malta.
L-uffiċjali marru fuq il-post u arrestawh.
Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident, u għaddejja tfittxija għat-tieni persuna li huwa maħsub li kienet involuta.
Il-Maġistrat Simone Grech qed tmexxi l-inkjesta.