Fi stqarrija tal-Pulizija, huma qalu li investigazzjonijiet intensivi li saru fl-aħħar jiem wasslu għall-identifikazzjoni u l-arrest ta’ raġel ta’ 56 sena residenti Bormla, li allegatament għandu x’jaqsam ma’ serq ta’ muturi.
Il-ġimgħa l-oħra, ġew irrapportati tliet każijiet separati ta’ serq, li seħħew fl-istess ġurnata: żewġ muturi nsterqu mill-Pietà u mutur ieħor minn Ħaż-Żabbar. Ftit jiem wara, il-muturi misruqa nstabu kollha ġewwa Bormla.
Mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-istess raġel hu suspettat li wettaq dawn is-serqiet, u għalhekk ġie arrestat ilbieraħ.
Il-każ se jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-10:30am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Lara Lanfranco LL.D.