Sentenza sospiża għal raġel li attakka lill-eks sieħba

Raġel ta’ 40 sena nstab ħati li hedded u attakka lill-eks partner tiegħu f’Tas-Sliema wara li sab messaġġ mingħand l-ex tagħha

Raġel Serb ta’ 40 sena tressaq il-Qorti wara li hedded u attakka lill-eks sieħba tiegħu f’residenza li kienu jgħixu fiha flimkien f’Tas-Sliema.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt, semgħet kif l-akkużat – li ilu jgħix Malta għal seba’ snin u għandu kondotta nadifa – tilef rasu meta sab messaġġ fuq Instagram mill-ex tal-partner tiegħu, minkejja li kienet injoratu.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Audrey Micallef, spjegat li l-argument seħħ wara li l-mara kienet marret il-festa flimkien ma’ ħabiba. L-akkużat, li kien xogħol f’shift ta’ billejl bħala gwardjan tas-sigurtà, bgħatila messaġġ biex terġa’ lura d-dar. Hija reġgħet lura siegħa wara u wara li libset il-piġama,  l-akkużat talaba toħroġ ħdejh fil-gallarija. Huwa talabha l-mobile, fetaħ Instagram u nnota l-messaġġ suspettuż.

Skont ix-xhieda tal-vittma, f’dak il-mument huwa ta’ daqqa ta’ ponn f’saqajha u kisser il-mowbajl tagħha, kif ukoll laptop tal-impjieg tagħha Fujitsu. Allegat ukoll li l-akkużat hedded lill-membri tal-familja tagħha.

Il-mara rrakkuntat ukoll li din ma kinitx l-ewwel darba li ġarrbet vjolenza minnu, billi fis-17 t’Awwissu kien allegatament heddidha u anki ġarrafha b’girfa fuq wiċċha, għalkemm ma ppreżentat l-ebda ċertifikat mediku dwar dak l-inċident.

Il-Qorti sabitu ħati li kkawża biża’ ta’ vjolenza, ġrieħi ħfief, kif ukoll ħsara volontarja fuq proprjetà tagħha. Huwa nstab ukoll ħati ta’ attentat ta’ użu ta’ forza, kif ukoll theddid u insulti fuq żewġ okkażjonijiet.

Il-Maġistrat Gatt kkundannah sena ħabs sospiżi għal sentejn, flimkien ma’ ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur l-eks partner tiegħu.

“Għandek 40 sena u dawn l-affarijiet m’għandhomx jiġru. Trid tinsa lil din il-mara, titgħallem minn din l-esperjenza u ma terġax titfaċċa hawn. Jekk terġa’ lura, jekk terġa lura, ħa toħroġ bil-manetti,” wissieh il-Maġistrat.

L-akkużat kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Julia Micallef Stafrace.

More in Qrati u Pulizija