Raġel ta’ 28 sena mis-Senegal ġie arrestat ilbieraħ filgħaxija f’San Ġiljan wara li nstab fil-pussess ta’ diversi tipi ta’ droga, fosthom kokaina, ecstasy u cannabis, lesti biex jiġu traffikati.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7pm meta żewġ pulizija fuq ronda fit-Triq San Ġorġ innutaw lir-raġel jaġixxi b’mod suspettuż. Wara li twaqqaf , il-Pulizija sabu fil-but tiegħu tmien pakketti b’sustanza bajda suspettata kokaina u pillola waħda suspettata ecstasy.
Minn tfittxija aktar fil-fond fuq il-borża li kellu miegħu, il-Pulizija sabu wkoll somma ta’ flus kontanti flimkien ma’ iktar sustanzi allegatament preparati għat-traffikar: 50 pakkett suspettati cannabis u 105 pilloli li jidhru bħal ecstasy.
Il-Maġistrat Monica Galea ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.