Il-Ħadd filgħaxija, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 33 sena wara li allegatamen spara f'Raħal Ġdid, waqt ġlieda ma’ persuna oħra li għadha ma nstabitx.
Ir-raġel arrestat, identifikat bħala Melvin Debono magħruf bħala il-Quws, għandu diversi każijiet preċedenti mal-qorti. Skont rapporti tal-Pulizija, l-inċident seħħ għall-ħabta tad-9pm fi Triq Melita, fejn instabu frammenti ta’ balal. Fortunatament, ħadd ma weġġa’.
Debono, li għal xi ħin sab ruħu f’residenza fil-viċinanzi, ta ruħu lill-Pulizija wara diskussjonijiet mal-uffiċjali fuq il-post. Żona sħiħa tal-inħawi ġiet imblukkata għal xi ħin hekk kif il-Pulizija mexxiet operazzjoni sensittiva biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Il-persuna l-oħra involuta fl-argument għadha mfittxija mill-Pulizija.
Din mhix l-ewwel darba li Debono jissemma’ f’każijiet kriminali. Fil-bidu ta’ din is-sena kien tressaq il-Qorti b’rabta ma’ karozza f’tellieqa b’veloċità għolja li spiċċat f'ħabta f’Ħal Tarxien, meta vettura tal-Pulizija ħabtet ma’ karozzi pparkjati. F’dak il-każ, żewġ uffiċjali tal-Pulizija weġġgħu.
L-investigazzjonijiet dwar l-aħħar każ ta’ sparatura allegata għadhom għaddejjin, bil-Pulizija qed tfittex li tidentifika u taqbad lill-persuna l-oħra li kienet involuta fl-argument.