Żewġt irġiel Libjani, wieħed ta' 36 sena u ieħor ta' 35 sena, ġew arrestati b'rabta ma' traffikar tad-droga.
Il-pulizija kienu qed isegwu lil dan iż-żewġ persuni matul is-Sibt filgħodu, fejn allegatament rawhom jgħaddu xi pakketti lil nies oħra. Iż-żewġt irġiel ġew arrestati f'residenza fi Triq il-Wied, Marsalforn, Għawdex.
Wara li saret tfittxija fl-istess residenza, instabu iżjed pakketti mimlija sustanza bajda suspettata droga kokaina, b'valur 'il fuq minn €5,000. Instabu wkoll madwar €4,000 fi flus kontanti u affarijiet oħra relatati mat-traffikar tad-droga.
L-irġiel qed jinżammu taħt arrest u mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.
Il-Maġistrat Simone Grech qed tmexxi l-inkjesta.