Raġel arrestat b’rabta mal-każijiet ta’ Qtil ta’ Qtates f’Tas-Sliema

Wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet u sorveljanza intensiva f’Tas-Sliema, raġel Ġappuniż ta’ 31 sena ġie arrestat mill-Pulizija bħala s-suspettat ewlieni fil-qtil brutali ta’ diversi qtates

Raġel Ġappuniż ta’ 31 sena ġie arrestat mill-Pulizija wara ġimgħat ta’ sorveljanza intensiva b’rabta ma’ każi ta’ qtil ta’ qtates li kienu rrappurtati f’diversi lokalitajiet, b’mod partikolari f’Tas-Sliema.

Skont stqarrija mill-Pulizija, għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu tal-lejl li għadda, il-forzi tal-ordni osservaw persuna li kienet taqbel mad-deskrizzjoni tas-suspettat ewlieni miexja fi Triq Manuel Dimech, Tas-Sliema. Ir-raġel twaqqaf mill-Pulizija u minn tfittxija li saret fuqu nstab li kellu par ingwanti tal-latex – simili ħafna għal dawk li allegatament intużaw fil-qtil tal-qtates – kif ukoll diversi pakketti ta’ ikel għall-qtates.

Wara l-arrest tiegħu, il-Pulizija wettqet tfittxija fil-post fejn jgħix is-suspettat, li wasslet għall-elevazzjoni ta’ diversi biċċiet ħwejjeġ li allegatament deher liebes f’filmati miġbura minn kameras tas-sigurtà f’żoni differenti fejn seħħew l-inċidenti.

Is-suspettat bħalissa qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana, fejn l-investigazzjonijiet se jkomplu matul is-sigħat li ġejjin.

 

More in Qrati u Pulizija