Raġel ta’ 23 sena minn Raħal Ġdid, Benjamin Chetcuti, ġie mixli b’firxa ta’ akkużi serji, fosthom il-qtil involontarju ta’ Mildred Azzopardi, li mietet wara inċident traġiku fil-Belt Valletta nhar il-Ħadd. Minkejja l-gravità tal-każ, il-Qorti tatu l-ħelsien mill-arrest.
Chetcuti, li huwa suldat fil-Forzi Armati ta’ Malta, tressaq il-Qorti nhar it-Tlieta quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo. Huwa ġie akkużat ukoll li weġġa’ b’mod involontarju raġel ieħor, li kien involut fl-istess inċident, kif ukoll li kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol, b’mod traskurat, mingħajr insurance u b’veloċità eċċessiva.
L-akkużi jinkludu wkoll li kkommetta reat li bħala suldat kellu d-dover li jipprevjeni. Barra minn hekk, huwa ġie mixli li kkawża ħsarat involontarji lill-karozza li kien qed isuq — Subaru Impreza li ma kinitx tiegħu — kif ukoll lil żewġ vetturi oħra u żewġ muturi.
Il-Qorti ġiet infurmata li Chetcuti ġie ttestjat bil-breathalyser fuq il-post u rriżulta li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol. Wara li nġabret filmat mis-CCTV u ġew mgħarrfa d-drittijiet tiegħu, huwa ġie arrestat.
L-avukati tad-difiża, fosthom Franco Debono, ma kkontestawx il-validità tal-arrest iżda talbu għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Avukat Darlene Grima u s-Supretendent Nicholas Vella, oġġezzjonat minħabba n-natura gravi tal-akkużi u l-biża’ ta’ indħil fil-provi.
L-avukat Franco Debono wieġeb li l-inkjesta diġà saret u l-filmati ġew ippreservati, u għaldaqstant m’hemmx lok ta’ tbagħbis. Huwa nnota wkoll li l-akkużat għandu kartell ta’ kondotta nadifa.
Il-Qorti eventwalment laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
L-akkużat kien assistit mill-avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono u Jacob Magri.