Żewġt irġiel arrestati b’rabta ma’ traffikar ta’ droga f’Paceville

Żewġt irġiel – wieħed mill-Ġamajka u l-ieħor mill-Eritreja – ġew arrestati minn uffiċjali tal-Pulizija f’Paceville wara li nqabdu fil-pussess tad-droga suspettata u flus kontanti

Ritratt: Il-Puluzija ta' Malta
Ritratt: Il-Puluzija ta' Malta

Żewġt irġiel mil-Ġamajka u l-Eritreja qed jinżammu arrestati wara li nqabdu fil-pussess ta’ ammont ta’ droga li allegatament kienet maħsuba għall-bejgħ. L-arresti seħħew matul il-lejl li għadda f’Paceville, waqt operazzjonijiet mir-Rapid Intervention Unit (RIU).

F’każ separat, il-pulizija nnutaw lil raġel jaġixxi b’mod suspettuż u ddeċidew li jwaqqfuh għal tfittxija. Malli ġew biex jikkontrollawlu l-basket, l-individwu pprova jaħrab iżda ġie arrestat mill-ewwel. Huwa wkoll kien aggressiv lejn il-membri tal-Pulizija, li sofrew ġrieħi ħfief. L-individwu, raġel ta’ 32 sena mill-Ġamajka, instab fil-pussess ta’ 8 qratas sustanza suspettata kokaina u 20 qartas kannabis.

F’ronda oħra, il-pulizija nnutaw raġel ta’ 50 sena mill-Eritreja li wkoll deher suspettuż. Malli avviċinawh, sabuh fil-pussess ta’ 6 qratas kannabis u ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. Dan ukoll ġie arrestat minnufih.

Iż-żewġt irġiel mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin, b’investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin taħt id-direzzjoni tal-Maġistrat inkwerenti.

More in Qrati u Pulizija