'Bob Marley ta' Malta' jinżamm arrestat fuq diversi akkużi
Mekkanik li jiddikjara li hu ‘Bob Marley ta’ Malta’ jinżamm arrestat wara seduta mimlija għajjat mill-akkużat

More in Qrati u Pulizija
Mekkanik li jiddikjara li hu ‘Bob Marley ta’ Malta’ jinżamm arrestat wara seduta mimlija għajjat mill-akkużat
Raġel li sostna li hu “Bob Marley ta’ Malta” ġie miżmum arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’għadd ta’ reati, fosthom li kiser l-ordni pubblika, li insulta 12-il pulizija u ispettur, kif ukoll li kkaġuna ħsara volontarja lil karozza.
Adam Samake raġel mill-Kosta tal-Ivorju ta’ 38 sena residenti f’Santa Venera, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Is-seduta kienet ikkaratterizzata minn għajjat ripetut min-naħa ta’ Samake, li sa mill-bidu nett qal li ried jiddefendi lilu nnifsu għax l-avukat tiegħu — li għandu warrant — “ma kellux kwalifiki”. Il-mekkank akkuża wkoll lill-Qorti li ma kenitx qed tismgħu u qalilha li “tkellem bis-sens”.
Il-validità tal-arrest tiegħu ma ġietx kkontestata, u l-Qorti mxiet mal-proċeduri tal-kawża biex tisma’ l-argumenti dwar il-ħelsien mill-arrest. F’dan il-punt, Samake reġa’ qam fuq saqajh u insista li “qatt m’għandu jkun ġie arrestat”.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, fosthom fuq il-bażi li Samake ma ppreżentax prova ta’ xogħol jew rabtiet leġittimi ma’ Malta. Sar riferiment ukoll għall-karattru tiegħu u għall-fatt li b’mod ripetut ma jobdiex ordnijiet legali.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat.
Hekk kif kien qed jitlaq mill-Qorti, Samake kompla jgħajjat li ma għamel xejn, li dan kien “delitt kontra l-umanità” u li “se jmur lura d-dar”.
L-Ispettur Elisia Scicluna ipprosekutat.
L-Avukata mill-Għajnuna Legali Julia Micallef Stafrace dehret għall-akkużat.