Tifel ta’ sena u erba’ xhur jinsab f’kundizzjoni serja wara li waqa’ f’pixxina ta’ residenza privata fi Triq Ġnien Imrik, fix-Xagħra, Għawdex.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-7:30 ta’ filgħaxija (1930hrs), meta l-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom fuq il-post. Mill-ewwel, membri tal-Pulizija flimkien ma’ tim mediku mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex marru fuq il-post, fejn sabu lit-tifel mitluf minn sensih.
It-tifel ingħata l-ewwel għajnuna fuq il-post u ttieħed b’mod urġenti l-Isptar Ġenerali t’Għawdex permezz ta’ ambulanza. Iktar tard, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’helikopter għal kura medika.
Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Simone Grech LL.D., ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta biex jinvestigaw il-każ aktar fil-fond. Intant, il-Pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom.