Raġel ta' 40 sena mill-Indja waqa' ħames sulari għal ġo bitħa interna fil-blokk appartamenti fejn kien joqgħod fi Triq Giorgio Borġ Olivier, ir-Rabat, ilbieraħ madwar it-8:30pm.
Skont l-istħarriġ tal-pulizija, jidher illi r-raġel ingħalaq ġewwa l-appartament u allura pprova joħroġ mit-tieqa, fejn spiċċa waqa'.
Fuq il-post marru wkoll tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jipprovaw jagħtu l-għajnuna lir-raġel, iżda jidher li r-raġel spiċċa miet fuq il-post.
Il-Maġistrat Simone Grech ġiet infurmata bil-każ u b'hekk ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-pulizija għadhom għaddejjin.