Il-każ jinvolvi l-assassinju brutali ta' Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu, Ivor Maciejewski, li nqatlu fid-dar tagħhom fis-18 ta’ Awwissu 2020.
L-eks surġent Valerie Mifsud, li kienet fuq il-post fil-Għassa tas-Sliema, qalet li rċevew telefonata mingħand residenti tat-triq li semgħu sparaturi. Meta marru fuq il-post, sabu l-bieb tad-dar magħluq u kellhom jiftħuh bil-forza.
Eżatt kif fetħu ll-bieb sabu lil Dr. Pandolfino mejjet wiċċu l’isfel f’għadira demm, b’salib tad-deheb ftit ‘il bogħod minnu. L-uffiċjali semgħu wkoll mingħand zijuh, Alfred Debono, li ra tliet irġiel bil-maskra jitilqu mill-post b’karozza bajda, wieħed minnhom iżomm basket f’idejh.
Is-surġent Luke Stivala xehed li wasal fuq il-post wara sejħa ta’ emerġenza għall-ħabta tad-10:30 pm. Huwa qal li sab lil oħt Christian barra t-taraġ, tinsisti li ħuha kien ġewwa għax u ma setgħetx tikkuntattjah. B’permess mill-familja, fetaħ il-bieb u sab lil Dr. Pandolfino mejjet. Aktar ‘il fuq, fuq l-ewwel sular, sab lil Ivor.
Surġent ieħor, Clayton Azzopardi, ikkonferma dak li rrappurtaw il-kollegi tiegħu, filwaqt li nnota li kien hemm indikazzjonijiet li xi ħadd għamel tfittxija fid-dar.
Residenti tal-inħawi, Christopher Gauci, xehed li kien fuq il-bejt meta ra karozza bajda tasal u tnejn joħorġu minnha – liebsin ġakketta sewda u wieħed b’beritta. Sema’ tħabbit fuq bieb u mbagħad ħames sparaturi. Wara ftit, ra lit-tnejn jerġgħu jidħlu fil-karozza. Imbagħad, it-tielet persuna ħareġ mill-karozza, reġa daħal fid-dar mat-tnejn l-oħra, u wara reġa ħareġ mid-dar flimkien mal-oħrajn.
Meta ġie mistoqsi mill-avukat tad-difiża, Alex Scerri Herrera, Gauci ammetta li ma setax jgħid minn liema parti tal-karozza ħareġ it-tielet individwu.
Alfred Debono, li jiġi iż-ziju ta’ Christian, qal li kien qed jara t-televiżjoni meta sema’ ħoss qawwi u ra żewġ persuni miexi lejn id-dar ta' Chris. Qal li ma ħasibx li Christian kien ġewwa għax kellu ikla mal-familja. Ftit wara, ġie mgħarraf li kien hemm sparaturi. Debono semma li l-karozza bajda kienet imwaqqfa b’mod li kienet qed timblokka tliet vetturi oħra.
Paula Pandolfino, oħt Christian, irrakkuntat kif kienet ġiet Malta minn Londra u kienet se titlaq lura dakinhar stess. Qalet li l-aħħar li raw lil ħuha kien ftit wara l-ikla tal-familja. Hija qalet li Christian mar lura waħdu bil-quadbike. Ftit wara, ġew mgħarrfa li kien hemm sparaturi, u waslu l-pulizija.
Paula tkellmet dwar kif ħuha kien persuna ta’ qalb tajba u b’intelliġenza kbira. Meta ġiet mistoqsija dwar l-użu tal-ġojjellerija tad-deheb, hija qalet li la Christian u lanqas Ivor qatt ħassewhom mhedda jew f’riskju għal dan.
Pippo Pandolfino, ħu Christian irrimarka li Christian kien brillanti, qalbieni, u dejjem preżenti għall-familja. Stqarr li wasal fuq il-post ftit wara l-inċident u rċieva l-konferma devastanti li ħuh kien miet. Tkellem ukoll dwar Ivor, li kien raġel edukat u ġentili.
Żewġ tobba mill-Isptar Mater Dei xehdu wkoll. L-ewwel wieħed, speċjalista tal-emerġenzi, qal li wasal fuq il-post fl-22:03 u sab lil Christian diġà mejjet. It-tabib li wasal wara ħa ħsieb lil Ivor, u kkonferma wkoll il-mewt fuq il-post. Meta ġew mistoqsija jekk kienu l-isparaturi li qatlu lill-vittmi, it-tnejn spjegaw li xogħlhom kien li jikkonfermaw il-mewt u mhux jagħmlu eżami forensiku.
Il-proċess għadu għaddej hekk kif aktar xhieda mistennija jixhdu fil-ġranet li ġejjin.