Minn informazzjoni li kiseb dan is-sit, għall-ħabta tas-7:15 ta’ dalgħodu seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Aldo Moro, il-Marsa, li fih kienet involuta karozza u mutur.
Jirriżulta li l-karozza, tat-tip Toyota Aygo, kienet misjuqa minn raġel ta’ 65 sena residenti San Ġwann, filwaqt li l-mutur Yamaha GPD125-A kien qed jinstaq minn raġel Albaniż ta’ 37 sena li jgħix San Pawl il-Baħar.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku, li ta l-ewwel għajnuna lis-sewwieq tal-mutur. Hu ttieħed b’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar il-każ għadhom għaddejjin sabiex jiġu ċċarati ċ-ċirkustanzi eżatti tal-ħabta.