Il-Ġurati fil-proċess pendenti dwar il-qtil ta’ Carmel Chircop u Daphne Caruana Galizia dalgħodu żaru diversi siti ewlenin relatati mal-assassinju tal-ġurnalista. Il-ġurija, flimkien mal-imħallef li qed jippresiedi l-każ, l-akkużati, it-timijiet legali tagħhom, il-prosekuzzjoni, l-avukati tal-parte civile u l-ġurati riservi, għamlu żjara fil-Bidnija l-post fejn propju inqatlet Daphne Caruana Galizia.
Il-Ġimgħa, il-grupp kien diġà żar siti relatati mal-qtil tal-avukat Carmel Chircop, fosthom il-garaxx f’Birkirkara fejn ġie sparat, kif ukoll l-appartament f’Santa Venera fejn l-akkużati kienu iltaqgħu wara l-omiċidju fl-ewwel ġurnata tal-aċċessi relatati ma dawn id-delitti.
Fil-Bidnija, il-ġurati żaru d-dar fejn kienet tgħix Caruana Galizia, kif ukoll il-post minn fejn ġiet osservata mill-qattiela qabel ma kienet assassinata. Wara dan, l-membri tal-qorti marru il-garaxx tan-Naxxar fejn kienet inħbiet il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia.
L-aħħar post li żaru kien f’Pembroke, fejn il-karozza ta’ Caruana Galizia kienet ittieħdet għall-analiżi forensika mill-esperti tal-pulizija.
Il-prosekuzzjoni qed tkun rappreżentata mill-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-avukati tad-difiża jinkludu lil Nicholas Mifsud għal Adrian Agius, Ishmael Psaila u Amadeus Cachia għal Jamie Vella, Alfred Abela u Rene Darmanin għal Robert Agius, u Noel Bianco flimkien ma’ Leslie Cuschieri għal George Degiorgio.
L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jassistu lill-familja ta’ Caruana Galizia, filwaqt li Vince Galea qed jirrappreżenta lill-familja ta’ Carmel Chircop.