Ġurati jżuru x-xeni ewlenin tal-qtil

Il-qorti jżur il-garaxx f’Birkirkara, postijiet f’Santa Venera u l-Marsa, waqt li Vince Muscat jispjega lill-ġurati kif sar il-qtil

Il-ġurati fil-proċess kriminali li għaddej dwar il-qtil tal-avukat Carmel Chircop kienu eskortati f’żjara fuq il-post f’numru ta’ lokalitajiet li għandhom importanza kruċjali fil-każ. Din iż-żjara saret wara s-sessjoni tal-qorti filgħodu, nhar il-Ġimgħa.

Il-ġurati, flimkien mal-imħallef, l-akkużati, il-prosekuzzjoni, l-avukati tad-difiża u tal-partijiet ċivili, kif ukoll ġurati sostituti, marru l-ewwel lejn Birkirkara, eżattament fil-Garaxx Numru 46, fejn hemmek kien instab il-katavru ta’ Chircop.

Preżenti fuq il-post kien ukoll Vince Muscat.

Il-kumpless tal-garaxx ta’ Birkirkara fejn inqatel Carmel Chircop (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)
Il-kumpless tal-garaxx ta’ Birkirkara fejn inqatel Carmel Chircop (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)

Wara dan, il-ġurati marru fi flat f’Santa Venera, li dak iż-żmien kien mikri minn Jamie Vella. Skont Muscat, wara li abbandunaw il-karozza, l-akkużati marru f’dan l-appartament biex jbiddlu l-ħwejjeġ, u mbagħad poġġewhom f’borża tal-iskart li mbgħad ramew biex tinħeba l-evidenza.

Huwa spjega wkoll li oġġetti personali u ħwejjeġ użati waqt id-delitt ġew deliberatament eliminati biex titnaqqas il-possibbiltà li jinqabdu.

L-aħħar post li żaru l-ġurati kien il-Marsa, fil-viċinanzi tat-Tiger Bar. Skont ix-xhieda ta’ Muscat, kien hawnhekk li ntremiet-arma li ntużat fil-qtil — pass li suppost temm il-proċess ta’ qerda tal-evidenza.

 Il-post fejn ġiet mormija l-arma tal-qtil (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)
Il-post fejn ġiet mormija l-arma tal-qtil (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)

Iż-żjara kienet meqjusa bħala eżerċizzju kruċjali biex il-ġurati jkunu jistgħu jgħaqqdu x-xhieda li nstemaw fil-qorti mal-ambjenti reali fejn allegatament seħħew l-avvenimenti.

L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jiġi rrappreżentat mill-avukati Godwin Cini, Danika Vella, u Anthony Vella.

Adrian Agius qed jiġi difiż minn Nicholas Mifsud.

Jamie Vella qed ikun rappreżentat minn Ishmael Psaila u Amadeus Cachia.

Robert Agius qed jiġi difiż minn Alfred Abela u Rene Darmanin.

George Degiorgio qed jidher assistit minn Noel Bianco u Leslie Cuschieri.

 Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qed tkun rappreżentata minn Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.

 Il-familja ta’ Carmel Chircop qed tiġi assistita mill-avukat Vince Galea.

More in Qrati u Pulizija