Portugiż ta’ 53 sena ġie arrestat kif wasal fl-Ajruport ta’ Malta, wara li nqabad iġorr madwar 11-il kilo droga fil-bagalja tiegħu, b’valur totali ta’ madwar €250,000.
Il-Pulizija u uffiċjali tad-Dwana wettqu spezzjonijiet fuq passiġġieri li waslu f’titjira minn Spanja madwar is-siegħa ta’ filgħodu tas-Sibt.
Wara li l-passiġġier qajjem suspett, saret tfittxija fil-bagalja tiegħu u fejn l-uffiċjali sabu pakketti b’madwar 10 kilo sustanza suspettata ħaxixa tal-cannabis b’valur fit-triq ta’ kważi €100,000 u madwar kilo sustanza maħsuba kokaina li ġġib valur ta’ €150,000.
Il-Portugiż qiegħed jinżamm arrestat għal aktar investigazzjonijiet.
Huwa mistenni jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco.