Jintbgħat il-ħabs wara li abbuża sesswalment minorenni f'Paceville

Ħames snin u erba' xhur ħabs talli abbuża sesswalment minn tfajla ta' 16-il sena f'Paceville waqt li kien vaganza f'Malta f'Settembru 2021

Franċiż intbagħat ħames snin u erba’ xhur ħabs wara li ammetta li kien abbuża sesswalment tfajla taħt l-età fi stabbiliment f’Paceville waqt li kien fuq vaganza f’Settembru 2021. Lionel Seux, ta’ 51 sena wieġeb li huwa ħati għall-akkużi.

Skont evidenza li ħarġet fil-qorti, Seux akkumpanja tfajla ta’ 16-il sena fit-tiolet għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, daħal magħha, sakkar il-bieb, neħħielha l-ħwejjeġ u wara neħħa tiegħu. Dan l-att kompla biex l-akkużat beda jmiss lilu nnifu u lill-vittma b’mod mhux xieraq. Fil-qorti intqal li l-ħabib tat-tifla beda jħabbat mal-bieb, u kien dak it-taħbit li waqqaf l-akkużat milli jagħmel xi ħaġa oħra.

Wara li l-prosekuzzjoni għalqet il-provi, Seux iddeċieda li jwieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ngħata ċ-ċans li jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu wara li ġie mwissi li r-reati bħal li kien wettaq iwasslu għal massimu ta’ disa’ snin ħabs.

Huwa kkonferma l-ammissjoni tiegħu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Huwa nstab ħati ta’ avvanzi sesswali mhux kunsenswali ma’ minorenni u li żamm lit-tifla kontra l-volontà tagħha peress li ssakkar il-bieb  u ma ħallihiex titlaq.

Peress li ammetta għall-akkużi, il-maġistrat qalet li dan seħħ tard fil-proċeduri minħabba li l-prosekuzzjoni ressqet ix-xhieda kollha tagħha. Minkejja dan, Seux ma setax jibbenefika mit-tnaqqis ta’ piena.

Il-Maġistrat ikkundannat lil Seux ħames snin u erba’ xhur ħabs u ordnat li l-perjodu li qatta’ f’kustodja preventiva jitnaqqas mill-perjodu li jrid jagħmel il-ħabs.

Huwa ordnat ukoll iħallas ftit inqas minn €5,100 fi spejjeż tal-qorti relatati mal-ħatra ta’ esperti tal-qorti.

Il-prosekuzzjoni kienet imexxija mill- ispetturi tal-Pulizija John Spiteri u Leeroy Balzan Engerer.

More in Qrati u Pulizija