Tifel ta' 7 snin isoffri ġrieħi serji wara inċident ta' traffiku

Mara ta' 51 sena minn Ħaż-Żabbar tilfet il-kontroll tal-vettura u baqgħet dieħla f'trailer li kien ipparkjat  fi Triq il-Baċir, Raħal Ġdid, fil-vettura kien hemm tifel ta' 7 snin li soffra ġrieħi gravi

It-Tnejn, għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq il-Baċir, Raħal Ġdid.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u rriżulta li mara ta’ 51 sena u toqgħod Ħaż-Żabbar,tilfet il-kontroll tal-karozza u ħabtet ma’ trailer li kien ipparkjat.

Fil-karozza kien hemm ukoll tifel ta’ 7 snin.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet il-vittmi l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa. Aktar tard, it-tifel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji filwaqt li lkundizzjoni tal-mara għadha pendenti.

Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija