Ħaddiem iweġġa’ serjament wara waqgħa

Ħaddiem ta' 27 sena jsoffri ġrieħi serji wara li waqa' minn għoli ta' tliet sulari waqt li kien qed jagħmel xi xogħol ma’ faċċata fi Triq Carlo Manchè, il-Gżira

It-Tnejn għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq Carlo Manchè, il-Gżira.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li Sirjan ta’ 27 sena, kien qiegħed jagħmel xi xogħol ma’ faċċata u waqa’ għoli ta’ madwar tliet sulari.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet il-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija