Iweġġa’ gravi sewwieq ta' mutur

Seħħet ħabta bejn mutur u vettura fi Vjal il-Blue Grotto, iż-Żurrieq, fejn ħalliet raġel ta’ 47 sena b'ġrieħi serji 

Raġel iweġġa’ gravi fiż-Żurrieq nhar l-Erbgħa għall-ħabta tat-tlieta u kwart ta’ waranofsinhar.

Il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident fi Vjal il-Blue Grotto, iż-Żurrieq.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur misjuq minn raġel ta’ 47 sena residenti l-Gżira u vettura misjuqa minn raġel ta’ 43 sena residenti Ħal Luqa.

Is-sewwieq tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.  

More in Qrati u Pulizija