Ħareġ arma tan-nar waqt argument

Raġel midrub wara li nqabad f'argument fi stabbiliment tax-xorb ma’ żewġt irġiel oħra fi Triq ix-Xatt, il-Gżira

Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq ix-Xatt, il-Gżira. 

Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u rriżulta li raġel kien involut f'argument fi stabbiliment tax-xorb ma’ żewġt irġiel oħra. 

Baqgħu jargumentaw fuq barra tal-ħanut u kien hawn li allegatament wieħed miż-żewġt irġiel spara arma tan-nar fid-direzzjoni tal-ieħor, bl-aggressur u r-raġel l-ieħor li kien miegħu ħarbu minn fuq il-post. 

Issejħet ambulanza u l-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura medika, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi kawża ta' tir fin-naħa t'isfel ta' siequ. 

Il-Pulizija għadha għaddejja bit-tfittxija għall-aggressuri. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin sabiex tkun stabbilità l-identita’ ta’ l-irġiel involuti fil-każ.

Infetħet ukoll inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq.

More in Qrati u Pulizija