Raġel jeħel tmien xhur ħabs wara li hedded u insulta uffiċjali tal-pulizija

Il-Qorti tillibera lil Nicholas Catania minn akkużi ta’ serq u aggressjoni fuq anzjana iżda ssibu ħati li hedded u insulta uffiċjali tal-pulizija u kiser żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest 

 

Nicholas Catania ta’ 44 sena ġie kkundannat tmien xhur ħabs effettivi u multa ta’ €1,500 wara li nstab ħati li hedded u insulta uffiċjali tal-pulizija, m’obdiex l-ordnijiet tagħhom u kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Madankollu, Catania ġie lliberat minn akkużi separati marbuta ma’ serqa minn fuq mara ta’ 66 sena f’Raħal Ġdid, wara li l-Qorti sabet li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li kien hu li wettaq l-aggressjoni.

Akkużat b’serqa minn fuq anzjana

L-ewwel tliet akkużi kienu marbuta ma’ inċident li seħħ fl-4 ta’ Novembru 2021 għall-ħabta tas-7:30pm f’ Raħal Ġdid. Il-vittma, li dak iż-żmien kellha 66 sena, kienet miexja ma’ ħabiba tagħha meta lemħet raġel wieqaf fit-triq. Wara li nfirdet minn mal-ħabiba tagħha u kompliet miexja waħedha lejn id-dar, ir-raġel allegatament ġera lejha, qabeż fuqha u ħatafilha l-portmoni u l-mowbajl minn idejha qabel ħarab jiġri. Il-mara bdiet tgħajjat u ppruvat tiġri warajh, iżda waqfet ftit wara. Hija lemħet karozza tal-pulizija u rrappurtat dak li kien għadu kif ġara.  Sciberras marret fil-polyclinic ta’ Raħal Ġdid, fejn ġiet iċċertifikata li kienet sofriet ġrieħi ħfief. 

Il-pulizija analizzat diversi filmati tas-CCTV, u tliet uffiċjali għarfu lil Catania bħala l-persuna li kienet tidher fihom, peress li kien diġà magħruf magħhom. Il-Qorti qalet li ftit kellha dubju li Catania kien fl-inħawi fejn seħħet l-aggressjoni fil-ħin rilevanti u li kien il-persuna li dehret fil-filmati tas-CCTV.

Minkejja dan, il-Qorti sabet problema kruċjali fl-identifikazzjoni tal-aggressur. Meta Sciberras xehdet quddiem il-Qorti, hija identifikat lil Catania bħala l-persuna li kienet attakkatha. Iżda dakinhar stess tal-inċident, il-pulizija kienet arrestat raġel ieħor li nzerta kien liebes ħwejjeġ li jaqblu mad-deskrizzjoni tagħha. Meta dak ir-raġel ittieħed l-għassa, Sciberras kienet identifikatu bħala l-aggressur tagħha.

Għalkemm kien stabbilit li Catania kien fl-inħawi fil-ħin tal-aggressjoni, il-Qorti ddeċidiet li dan waħdu ma kienx biżżejjed biex jorbot lilu mas-serqa lil hinn minn kull dubju raġonevoli.
Il-Qorti sabet ukoll li, għalkemm Sciberras kienet sofriet ġrieħi ħfief, il-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova li kien Catania li kkawżahom. Lanqas ma nġabet prova li l-aggressur kien żamm il-mara kontra r-rieda tagħha. l-libertà tal-mara. Għalhekk, Catania ġie lliberat mill-ewwel tliet akkużi, jiġifieri dawk relatati mas-serqa, il-ġrieħi ħfief u r-restrizzjoni tal-libertà tal-mara.

Jinstab fis-sakra barra waqt li kien taħt rinkażar

L-akkużi li tagħhom Catania eventwalment instab ħati kienu marbuta ma’ inċident separat li seħħ fis-sigħat bikrin tal-21 ta’ Novembru 2021. 

Għall-ħabta tas-2:20am, il-pulizija rċeviet rapport dwar persuna mixħuta mal-art fi Triq Alessandra, Bormla. Meta l-uffiċjali marru fuq il-post, sabu lil Catania fis-sakra u bilkemm kapaċi jitkellem. Ambulanza ssejħet fuq il-post, iżda huwa rrifjuta l-assistenza medika. L-uffiċjali għarfuh u rrealizzaw li kien suġġett għal kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, fosthom curfew li kien jobbligah ikun id-dar ferm qabel il-ħin li fih instab barra.

Meta l-pulizija ppruvat tarrestah, Catania beda jgħajjat, jitkellem ħażin u jirrifjuta li jobdi l-ordnijiet tagħhom. Waqt li kien qed jittieħed lejn l-għassa ta’ Bormla, huwa baqa’ jidgħi u jipprovoka lill-uffiċjali. Fl-għassa beda jħabbat rasu mal-perspex u mal-bieb, u eventwalment ittieħed il-polyclinic tal-Furjana, fejn ġie ċċertifikat li kien f’kundizzjoni li seta’ jinżamm arrestat.

Minn hemm ittieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fejn kompla jgħajjar u jinsulta lill-uffiċjali. L-inċidenti ġew ippreservati permezz tal-bodycams tal-pulizija.

Il-Qorti osservat li l-filmati tal-bodycams u x-xhieda tal-uffiċjali wrew li l-pulizija kienet ippruvat tindirizza s-sitwazzjoni b’mod kalm, iżda Catania baqa’ jippersisti fl-aġir tiegħu u kellu jiġi arrestat bil-forza. Waqt li kien fil-vettura tal-pulizija, huwa kompla jidgħi u għamel kummenti offensivi fil-konfront ta’ surġent.
Aktar tard, fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, beda jinsulta lil kuntistabbli ieħor, sfidah għall-ġlied u heddu li kien se jsibu barra. Il-Qorti sabet li l-kliem tiegħu kien jikkostitwixxi inġurji u theddid fil-konfront ta’ uffiċjali li dak il-ħin kienu qed iwettqu dmirijiethom.

Il-Qorti sabitu ħati wkoll li m’obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-pulizija. Fost affarijiet oħra, huwa kien irrifjuta li jagħti d-dettalji tiegħu, ma żammx id-distanza mill-uffiċjali meta ntalab jagħmel dan u rreżista lill-pulizija.

Fil-ħin tal-inċident, Catania kien marbut b’żewġ digrieti separati tal-ħelsien mill-arrest. Peress li Catania nstab fi Triq Alessandra għall-ħabta tas-2:20am u l-Qorti sabitu ħati ta’ reati volontarji kontra l-uffiċjali tal-pulizija, il-Qorti kkonkludiet li kien kiser iż-żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet.

Meta ġiet biex tikkunsidra l-piena, il-Qorti qalet li l-uffiċjali tal-forzi tal-ordni għandhom jiġu rispettati waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-Qorti ddeskriviet l-attitudni ta’ Catania fil-konfront tal-pulizija bħala “deplorabbli”, filwaqt li osservat li l-istess uffiċjali kienu marru biex jgħinuh meta sabuh mal-art u kienu saħansitra kisbulu l-assistenza medika meħtieġa. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti qieset piena ta’ priġunerija bħala waħda xierqa.

Catania għalhekk instab ħati tar-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ akkużi u ġie kkundannat tmien xhur priġunerija effettiva u multa ta’ €1,500. Il-Qorti rrevokat ukoll iż-żewġ digrieti li permezz tagħhom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest, ordnat ir-riarrest tiegħu u kkonfiskat żewġ depożiti ta’ €300 u €150 rispettivament.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah K. Zerafa.

More in Qrati u Pulizija