Raġel arrestat b’rabta ma’ serq minn vetturi

Il-Pulizija arrestaw raġel li kien irrappurtat li qed jisraq minn vetturi f’San Pawl il-Baħar u l-Qawra

Wara investigazzjonjiet mill-Pulizija, wasslu għall-arrest ta’ raġel ta’ 35 sena residenti San Pawl il-Baħar, li fl-aħħar ġimgħat - bejn Settembru u dan ix-xahar - allegatament seraq oġġetti u flus kontanti minn diversi vetturi f’San Pawl il-Baħar u l-Qawra. 

Ilbieraħ, għal xi s-siegħa ta' waranofsinhar persuna rrapportat fl-Għassa tal-Qawra li ra fil-fatt raġel jipprova jisraqlu l-affarijiet mill-vettura, iżda din il-persuna ħarbet minn fuq il-post. 

Il-Pulizija bdew ir-ronda fl-akwati sakemm irnexxielom isibu l-persuna kkonċernata. L-allegat prova jaħrab mill-Pulizija, daħal jiġri f’blokka appartamenti, qabeż madwar sular u nofs fi ġnien ta’ residenza privata u wara qabeż ċint ieħor madwar sular għoli. 

Il-pulizija segwuh kemm bil-pass u kif ukoll bil-vetturi, sakemm instab u ġie arrestat f’kumpless ta’ garaxxijiet. 

Wara tfittxija fir-residenza tiegħu, il-Pulizija sabu numru ta’ oġġetti li kienu ġew irrappurtati misruqa f’dawn l-aħħar xhur. 

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lockup tal-Pulizija, il-Floriana u mistenni jitressaq b’arrest il- Qorti fil-jiem li ġejjin. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija