Żagħżugħ ta’ 23 sena ta’ nazzjonalità Sirjana ġie kkundannat ħames xhur priġunerija effettiva wara li ħa l-karozza ta’ sieħbu mingħajr il-permess tiegħu u tajjar mara fil-Ħamrun. Għaldaqstant, il-qorti pprojbiet lill-imputat milli jottjeni liċenzja tas-sewqan għal żmien sena.
L-inċident seħħ fis-7 ta’ Awwissu 2026, għall-ħabta tad-9pm fi Triq Joe Sciberras, il-Ħamrun. Uffiċjali mill-Unità tar-Roads Policing sabu karozza tal-għamla Volkswagen b’ħsarat fuq il-fanal, il-mudguard u l-windscreen, filwaqt li mal-art kien hemm persuna, b’ġrieħi serji f’rasha u li kienet tinsab fil-periklu tal-mewt.
L-akkużat, Maruan Alsudi Matar, kien fuq il-post u identifika ruħu mal-pulizija, fejn stqarr li kien qed isuq biex imur “jixtri x'jiekol". Testijiet li sarulu għall-alkoħol u droga rriżultaw fin-negattiv.
Mix-xhieda ta’ sid il-vettura, irriżulta li l-akkużat kien kemm-il darba talbu biex juża l-karozza iżda dejjem irrifjutah. Is-sid spjega kif dakinhar, l-akkużat ħa l-vettura mingħajr il-kunsens tiegħu. Barra minn hekk, il-polza tal-assigurazzjoni kienet tkopri biss lis-sid, u b'hekk Matar saq mingħajr ma kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni dwar ir-riskji ta’ terzi persuni.
Nuqqas ta' provi f'uħud mill-akkużi ewlenin
Minkejja s-serjetà tal-każ, il-qorti lliberat lill-imputat minn uħud mill-akkużi l-aktar gravi minħabba nuqqasijiet fil-provi preżentati mill-prosekuzzjoni.
Minħabba li l-vittma ma setgħatx tixhed peress li kienet għadha rikoverata l-isptar, il-prosekuzzjoni ippreżentat ċertifikat mediku. Madanakollu, dan iċ-ċertifikat ma kienx ikkonfermat b’affidavit mit-tabib u lanqas ma tressaq it-tabib biex jixhed fil-qorti, kif jeħtieġ l-Artikolu 646(7) tal-Kodiċi Kriminali. B’hekk, iċ-ċertifikat kien iddikjarat inammissibbli u nieqes mill-valur probatorju skont il-liġi.
L-akkużat kien iddikjara verbalment li għandu liċenzja Bulgara iżda ma ppreżentahiex. Għalhekk, peress li l-pulizija ma vverifikawx ma’ Transport Malta jekk l-imputat kellux liċenzja valida u lanqas ma tressaq rappreżentant tal-awtorità biex jixhed, il-qorti saħqet li l-oneru tal-prova kien fuq il-prosekuzzjoni u għalhekk lliberatu minn din l-akkuża.
Dwar l-imputazzjoni fuq is-sewqan perikoluż u b'veloċità eċċessiva, għalkemm fiż-żona kien hemm sinjal ta' limitu ta' 30 km/h minħabba xogħlijiet, il-prosekuzzjoni ma talbitx il-ħatra ta' espert tekniku tal-qorti biex jistabbilixxi xjentifikament il-veloċità u d-dinamika tal-impatt.
Il-Maġistrat Elaine Rizzo sabet l-imputat ħati biss ta’ sewqan traskurat peress li t-triq kienet dritta, imdawwla u wiesgħa u s-sewwieq kien obbligat iżomm ‘proper look-out’, iżda lliberatu mill-akkużi ta’ sewqan perikoluż.
Wara li kkunsidrat l-atti kollha u r-reċidività tal-imputat, il-qorti sabat lil Maruan Alsudi Matar ħati li saq mingħajr assigurazzjoni, li saq b'manjiera traskurata, li kkawża ħsara fil-vettura, li għamel użu minn karozza mingħajr il-kunsens tas-sid, kif ukoll ta' reċidiva.
Għal dawn ir-reati, il-qorti ikkundannat lill-akkużat għal ħames xhur priġunerija effettiva kif ukoll pprojbietu milli jottjeni jew ikollu liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ sena.
Il-Maġistrat Elaine Rizzo tat is-sentenza.
L-Ispettur Nathan Bugeja mexxa l-prosekuzzjoni.