'Prerogattiva tiegħi u m'għandix għalfejn niġġustifikaha' - Scicluna dwar Silvio Valletta fuq il-Bord tal-FIAU

It-Tribunal qed jisma' xhieda, fil-każ miftuħ minn Repubblika wara r-rifjut mill-pulizija li jipprovdu lista tal-indiwidwi kollha li kienu nominati biex ikunu fil-bord tal-FIAU

L-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal lil Tribunal illi meta ħatar lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta fuq il-Bord tal-FIAU kien qed jeżerċità d-dritt tiegħu li jagħmel dan. Scicluna - li kien Ministru tal-Finanzi mill-2013 sal-2020 - kien qed jixhed dalgħodu fil-proċeduri li nfetħu minn Robert Aquilina - President tal-għaqda Reppubblika, quddiem it-Tribunal tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-dejta (Appelli). 

It-Tribunal qed jisma' xhieda, fil-każ miftuħ minn Repubblika wara r-rifjut mill-pulizija li jipprovdu lista tal-indiwidwi kollha li kienu nominati biex ikunu fil-bord tal-FIAU, u li fosthom hemm Silvio Valletta - eks Kummissarju tal-Pulizija li spiċċa f'nofs kontroversja minħabba l-qrubija tiegħu ma' Yorgen Fenech, is-suspettat ewlieni fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, meta kien hu stess li kien qed imexxi l-investigazzjoni dwar dan il-qtil.  

Il-Professur Scicluna qal lit-Tribunal li l-Att dwar il-Ħasil tal-Flus tagħti l-poter lill-Ministru biex jinnomina membri tal-bord tal-FIAU. "Hija prerogattiva tal-Ministru, ta' kull Ministru, li jappunta individwi fuq dan il-bord... fil-fatt il-persuna magħżula hija appuntata politikament," Fakkar ukoll li din il-prerogattiva mhix limitata biss għal dan il-bord partikolari u jsir l-istess fl-MCESD fejn tlieta minn nies huma appuntati mill-Ministru. 

Mistoqsi speċifikament dwar il-ħatra ta' Valletta mill-avukat ta' Repubblika Sarah Cannataci l-eks Ministru, li llum imexxi l-Bank Ċentrali, reġa' qal li kienet prerogattiva tiegħu u li ma kellux għaliex jiġġustifikaha. 

Mistoqsija mit-Tribunal, Cannataci qalet li qed tistaqsi dan għaliex mal-Inkjesta Pubblika l-istess Scicluna kien qal illi Valletta intgħażel fuq il-bażi ta' seniority. 

"Il-kandidati jinġiebu 'l quddiem... imma d-deċiżjoni kienet tiegħi," reġa' saħaq Scicluna. 

Xehed ukoll l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, li fakkar illi meta hu sar Kummissarju l-bord tal-FIAU kien diġa' ffurmat. Huwa qal iżda illi n-norma hija li ġeneralment in-nominati huma magħżulin mill-pożizzjoni ta' Supretendent 'l fuq. 

More in Qrati u Pulizija