Yorgen Fenech ħareġ somom kbar ta' flus biex l-aħwa Degiorgio jħallsu avukat

Melvin Theuma jkompli jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Yorgen Fenech ma' wieħed mill-Avukati tiegħu
Yorgen Fenech ma' wieħed mill-Avukati tiegħu

Yorgen Fenech, li qed ikun akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, għen lill-aħwa Degiorgio biex iħallsu d-Difiża u dan meta l-aħwa George u Alfred Degiorgio ġew arrestati.

Hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Fenech, kompla jixhed Melvin Theuma, l-intermedjarju bejn Fenech u l-aħwa Degiorgio u li huwa x-xhud ewlieni f'dan il-każ.

Is-seduta tal-lum kienet ibbażata fuq tliet dokumenti li Theuma ppreżenta lill-Pulizija wara l-arrest tiegħu. Id-dokumenti huma rċevuti li Mario Degiorgio (ħu l-aħwa Degiorgio) ippreżenta lil Theuma u li juru l-flus li għaddew bejn Fenech u l-aħwa.

Skont Theuma, hu kellu ftehim ma' Yorgen Fenech biex jgħin lill-aħwa Degiorgio wara l-arrest tagħhom. Fil-fatt l-irċevuti juru kif għaddew somom kbar ta' flus għand l-aħwa Degiorgio biex setgħu jsibu avukat tajjeb.

Fil-fatt, l-irċevuti huma kollha ffirmati minn William Cuschieri, l-Avukat tal-aħwa Degiorgio.

Theuma qal li żamm dawn l-irċevuti bħala prova f'każ li Fenech jibda jistaqsi fejn kienu qed imorru l-flus.

Xehed kif Mario Degiorgio, ftit wara l-arrest ta' ħuh, kien qallu li kellu bżonn €30,000 biex isib avukat. Theuma mar minnufih għand Fenech.

Qal li għall-bidu kien qed jagħti lil Mario Degiorgio bejn €2,000 u €3,000 fil-ġimgħa iżda aktar tard il-pagamenti bdew jiżdiedu u xi drabi s-somma kienet tkun akbar minn dak li jidher fl-irċevuti.

Fil-fatt, skont Theuma, ġieli kellu joħroġ il-flus hu stess biex ma jdejjaqx lil Fenech. 

More in Qrati u Pulizija