Missier ta' sebat itfal jammetti li kien jibgħat lil uliedu jisirqu l-ġugarelli

It-tfal huma kollha taħt l-età, bl-iżgħar tifel li kien jibgħat jisraq għad għandu biss ħames snin

Missier ta' sebat itfal tpoġġa fuq probation wara li ammetta li kien jibgħat ħamsa, minn uliedu, kollha kemm huma taħt l-età biex jisirqu.

Ir-raġel, li għandu 38 sena, tressaq akkużat li kien qed juża lil uliedu, li għandhom ħamsa, tmienja, disgħa u ħdax-il sena biex jisirqu ġugarelli minn ħanut.

Ir-raġel ma jaħdimx.

Fil-Qorti, l-Ispettur Matthew Grech spjega kif ir-raġel kien jagħti struzzjonijiet lil uliedu biex jisirqu numri ta' oġġetti, fosthom ġugarelli u anke tagħmir elettroniku minn ħanut.

Kien akkużat ukoll li ma kienx qed jagħti biżżejjed attenzjoni u kura lil uliedu.

Huwa wieġeb ħati tal-akkużi u tpoġġa fuq probation għal tliet snin.

Il-Maġistrat Charmaine Galea ħatret ukoll ħaddiema soċjali biex isegwu dan il-każ.

More in Qrati u Pulizija