Karol Aquilina jitressaq il-Qorti akkużat b'sewqan perikoluż

Aquilina qed ikun akkużat li daħal fi skorta tal-Pulizija li kienet qed takkumpanja delegazzjoni barranija

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina llum tressaq il-Qorti akkużat b'sewqan perikoluż, fost oħrajn, meta allegatament kien daħal fi skorta tal-Pulizija. Dan il-każ seħħ sentejn ilu.

Fost oħrajn, dalgħodu xehed wieħed mill-Pulizija tat-traffiku li kien qed isuq il-mutur dakinhar u qal li meta kienu qed jeskortaw delegazzjoni barranija, waqt li kienu għaddejja minn Triq Diċembru Tlettax, vettura misjuqa minn Aquilina daħlet fl-iskorta.

Charles Zammit, wieħed mill-persuni li kien qed isuq il-vetturi u anke s-sid tal-karozzi fl-iskorta, qal li kien hu li installa d-dashcams fil-karozzi u malli waslu l-lukanda, il-Pulizija talbuh il-filmat.

Intant, Surġent li kien fl-iskorta dalgħodu ressaq rikors biex ma jixhidx, iżda l-Qorti ma laqgħetx it-talba tiegħu u weħlitu multa ta' €400 talli ma marx jixhed. Il-Prosekuzzjoni qalet li x-xhieda tiegħu hi importanti ħafna.

Il-kawża ġiet diferita ghall-15 ta’ Frar tas-sena d-dieħla.

Karol Aquilina kien irriżenja mis-Shadow Cabinet meta kien infurmat li se jkun imressaq il-Qorti.

More in Qrati u Pulizija