Jinżamm arrestat żagħżugħ li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu

Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, ir-raġel se jinżamm taħt arrest.

Żagħżugħ qed jinżamm taħt arrest wara li nstab ħati li ta fastidju u ġiegħel lill-eks sieħba tiegħu tibża' minn vjolenza kontriha.

Apparti minn dan, huwa ġie wkoll akkużat li kiser ordni ta’ protezzjoni u sentenza sospiża. 

Jidher li r-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet sfaxxat fix-xejn żmien ilu, iżda l-akkużat spiċċa 'ossesjonat' fuq l-eks sieħba tiegħu. Skont il-prosekuzzjoni, "il-mara kienet tħossa mbeżża' u għalhekk marret għand il-Pulizija."

L-akkużat li huwa plejer tat-Tim Nazzjonali Malti tal-futbol, kien diġà ġie projbit mill-Qorti f'każ separat, milli jagħmel kuntatt mal-mara. Jirriżulta iżda li ġimgħa wara, l-akkużat kien diġà kiser din l-ordni hekk kif segwa l-passi tal-mara u beda jċemplilha kontinwament fuq il-mowbajl.

L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Maġistrat qal li se jkun qiegħed joħroġ is-sentenza tiegħu f’data separata. 

Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, ir-raġel se jinżamm taħt arrest.

L-avukat Jean Paul Sammut deher għall-akkużat.

More in Qrati u Pulizija