“Il-ġenituri fottewli ħajti għal 14-il sena” – Akkużat bil-qtil ta’ ommu jgħid li ma jiftakarx l-attakk
John Cassar qal lill-investigaturi li l-ġenituri tiegħu kienu ħassrulu ħajtu tul l-aħħar 14-il sena, filwaqt li insista li ma kienx it-tip ta’ persuna li twettaq att bħal dan
minn Jaelle Borg
John Cassar, ir-raġel ta’ 47 sena akkużat bil-qtil ta’ ommu u bl-attentat ta’ qtil ta’ missieru fl-Imqabba, qal lill-Pulizija li ma jiftakarx l-allegati attakki fuq il-ġenituri tiegħu għaliex kien taħt l-effett tal-kokaina.
Dan ħareġ waqt il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Cassar, hekk kif l-Ispettur Kurt Colombo Zahra kompla jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-Maġistrat Ingrid Bianco.
L-akkużat qed jaffaċċja disa’ akkużi, fosthom il-qtil ta’ ommu Mary Grace Cassar, l-attentat ta’ qtil ta’ missieru ta’ 74 sena, li kkaġunalu ġrieħi gravi, theddid u vjolenza, pussess ta’ eroina u ksur ta’ ordnijiet tal-Qorti.
Cassar qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha.
“Mhux bniedem li jagħmel ħaġa bħal din”
L-Ispettur Colombo Zahra xehed li Cassar ġie interrogat formalment fis-17 ta’ Ottubru, fis-1:11pm, fil-kamra awdjoviżiva tal-Pulizija.
Preżenti għall-interrogazzjoni kien hemm ukoll l-Ispettur Colin Sheldon u l-uffiċjal tal-Pulizija André Mifsud.
Qabel ma beda l-interrogazzjoni, Cassar reġa’ ġie infurmat bid-drittijiet tiegħu, iżda għażel li ma jkunx assistit minn avukat u ffirma dikjarazzjoni li tikkonferma din id-deċiżjoni.
Matul l-interrogazzjoni, Cassar tenna diversi drabi li ma setax jiftakar x’kien ġara lill-ġenituri tiegħu.
Huwa qal lill-investigaturi li kien ħa l-kokaina u insista li ma kienx it-tip ta’ persuna li tagħmel att bħal dak.
Minkejja li qal li kellu ħafna xi jgħid, Cassar wera riluttanza li jitkellem dwar l-allegati attakki.
Minflok, beda jitkellem dwar kif, skontu, il-ġenituri tiegħu kienu ħassrulu ħajtu matul l-aħħar 14-il sena.
Huwa reġa’ u reġa’ dawwar id-diskors fuq somma ta’ €7,000 li sostna li kienet insterqitlu minn mara li kien qed jiltaqa’ magħha, Karina Krasiuk.
Cassar qal lill-investigaturi li kien taha €2,000, u mhux €7,000.
Messaġġ bil-vuċi jgħid lill-mara biex ma tmurx id-dar għax ommu kienet mejta
Waqt l-interrogazzjoni, il-Pulizija kkonfrontaw lil Cassar b’kitba li kien ippubblika fuq Facebook, li fiha kien hedded li jattakka lil Krasiuk b’chaser.
Meta ġie mistoqsi dwarha, Cassar wieġeb li kieku ried isibha, kien jaf fejn kellu jmur.
L-investigaturi semmewlu wkoll messaġġ bil-vuċi li kien bagħat lill-istess mara, fejn wissieha biex ma tmurx fir-residenza tal-familja għaliex ommu kienet mejta.
Cassar irrikonoxxa li kien bagħat messaġġi lil diversi persuni, fosthom qraba tiegħu, iżda baqa’ jsostni li ma setax jiftakar l-allegat attakk.
L-Ispettur Colombo Zahra qal li matul l-interrogazzjoni Cassar ma wera ebda rimors.
Id-difiża tqajjem dubji dwar l-istat mentali tal-akkużat
Waqt il-kontro-eżami, l-avukat difensur Matthew Xuereb għamel diversi mistoqsijiet dwar l-imġiba ta’ Cassar matul in-negozjati mal-Pulizija qabel l-arrest tiegħu.
L-Ispettur Colombo Zahra kkonferma li Cassar kien aġitat ħafna, ma kienx qed iġib ruħu b’mod razzjonali u kien kontinwament jaqbeż minn suġġett għal ieħor.
Dan, skont l-ispettur, kien jagħmilha diffiċli biex il-Pulizija jżommu konverżazzjoni koerenti miegħu.
Meta d-difiża staqsiet jekk Cassar deherx emozzjonalment imweġġa’, l-ispettur wieġeb li kien innota aktar rabja milli niket fl-imġiba tiegħu.
L-ispettur ikkonferma wkoll li, matul in-negozjati, Cassar kien qal minn jeddu li qatel kemm lil ommu kif ukoll lil missieru.
Madankollu, Colombo Zahra saħaq li f’dak l-istadju l-għan tiegħu ma kienx li jinterroga lill-akkużat, iżda li jikkalma s-sitwazzjoni u jwasslu biex iċedi mingħajr vjolenza.
Huwa qal li apposta evita mistoqsijiet li setgħu jwasslu lil Cassar biex jinkrimina lilu nnifsu, u insista li d-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar il-ġenituri saru volontarjament.
It-telefonati bil-vidjo mal-Pulizija ma ġewx irreġistrati
Mix-xhieda ħareġ ukoll li matul il-lejl tal-arrest saru madwar tliet telefonati bil-vidjo bejn Cassar u l-Pulizija.
L-Ispettur ikkonferma li dawn it-telefonati ma ġewx irreġistrati formalment.
Huwa qal ukoll li ma kienx jaf jekk il-kameras li jintlibsu mill-Pulizija fuq l-uniformi kinux irreġistrawhom.
Din il-kwistjoni tqajmet mid-difiża waqt il-mistoqsijiet tagħha dwar kif saru n-negozjati u x’intqal matulhom.
Kien f’kundizzjoni medika tajba biex jiġi interrogat?
Id-difiża staqsiet ukoll jekk Cassar kienx medikament f’kundizzjoni li seta’ jiġi interrogat wara li kien iddaħħal l-isptar.
L-avukat Xuereb irrefera għal ċertifikat psikjatriku li ddeskriva lil Cassar bħala persuna fi stat mentali stabbli, mhux aġitata u mingħajr sintomi psikotiċi.
Madankollu, iċ-ċertifikat kien jispeċifika li ma kienx dokument li jiddetermina jekk l-akkużat kienx f’kundizzjoni li jgħaddi minn proċeduri kriminali.
L-Ispettur spjega li din kienet kwistjoni differenti, li setgħet issir rilevanti jekk titqajjem difiża bbażata fuq l-istat mentali tal-akkużat.
Ċertifikat mediku separat, maħruġ minn Anthony Falzon, kien jindika li Cassar kien f’kundizzjoni li jibqa’ miżmum taħt il-kustodja tal-Pulizija.
Colombo Zahra qal li bbaża ruħu fuq dawn iż-żewġ evalwazzjonijiet mediċi meta ddeċieda li Cassar seta’ jiġi interrogat.
Madankollu, meta ġie mistoqsi dwar il-mediċini jew it-trattament li Cassar seta’ rċieva waqt li kien l-isptar, l-ispettur ammetta li ma kienx jaf eżatt x’kien ingħata.
Huwa qal li ma setax jeskludi li Cassar kien taħt l-effett ta’ xi sedattiv, għalkemm personalment ma kienx tal-fehma li l-akkużat kien fi stat ta’ xokk.
Żied li t-tobba kienu f’pożizzjoni aħjar biex jiddeterminaw il-kundizzjoni medika tiegħu.
Ħareġ mid-dar b’idejh mgħollija
L-Ispettur xehed ukoll dwar il-mument meta Cassar ħareġ volontarjament mill-proprjetà fejn kien issakkar.
Huwa qal li l-akkużat ħareġ b’idejh mgħollija u niżżel ix-xorts biex juri lill-Pulizija li ma kienx qed iġorr arma.
Minkejja li kkoopera waqt l-arrest, Cassar baqa’ aġitat u beda jitlob sigarett ripetutament.
Colombo Zahra qal li huwa stess poġġielu sigarett f’ħalqu, filwaqt li uffiċjal ieħor xegħlu.
Wara l-arrest, Cassar ittieħed l-Isptar Mater Dei wara li t-tobba tal-emerġenza esprimew tħassib dwar il-possibbiltà li kien qed isofri attakk tal-qalb.
Meta d-difiża staqsiet dwar oġġetti misjuba waqt tfittxija fir-residenza tiegħu, l-ispettur qal li kienu nstabu fojl u oġġetti oħra assoċjati mal-użu tad-droga.
Il-Pulizija kienu qed ifittxu lil Cassar qabel l-allegati attakki
Waqt il-kontro-eżami ħareġ ukoll li l-Pulizija kienu diġà qed ifittxu lil Cassar qabel l-allegati attakki fuq il-ġenituri tiegħu.
L-avukat Xuereb staqsa dwar rapport ta’ vjolenza domestika li kienet għamlet il-mara tiegħu, li minnha kien separat, Rosalie Cassar, fl-14 ta’ Ottubru.
L-Ispettur ikkonferma li l-Pulizija kienu qed ifittxu lill-akkużat u kienu ppruvaw jillokalizzawh filgħodu tal-15 ta’ Ottubru.
Madankollu, l-avukata tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kaylie Bonett oġġezzjonat għal din il-linja ta’ mistoqsijiet, billi argumentat li l-proċeduri kienu jikkonċernaw l-omiċidju u mhux ir-rapport separat ta’ vjolenza domestika.
Colombo Zahra ċċara li ma kienx responsabbli minn dik l-investigazzjoni.
Huwa kkonferma wkoll li Cassar sar jaf bir-rapport ta’ vjolenza domestika meta kkuntattja lil Rosalie permezz tal-mobile ta’ ommu.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Colin Sheldon u Kurt Colombo Zahra, assistiti mill-avukata Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-avukat Matthew Xuereb qed jidher għal Cassar, filwaqt li l-Maġistrat Ingrid Bianco qed tippresiedi l-kumpilazzjoni tal-provi.
